Barcelona jridu jneħħu lill-midfielder tal-Brażil, Philippe Coutinho, bl-għażla preferita tal-player ta’ 29 sena hija li jingħaqad ma’ Arsenal, li min-naħa tal-manager tagħhom, Mikel Arteta, approva l-insegwiment tal-ex player ta’ Liverpool.
Huwa ngħaqad mal-Katalani, f’Jannar 2018, wara li ftit xhur qabel kif iffirma kuntratt ta’ ħames snin mar-Reds. Dan it-traferiment kien jiswa £142 miljun li b’dawn il-fondi Liverpool akkwistaw lill-goalkeeper Alisson Becker mingħand Roma u d-difenser Virgil van Dijk mingħand Southampton.
Madankollu l-avventura ta’ Coutinho ma’ Barcelona ma marritx kif mixtieq hekk kif sena biss wara huwa kien misluf lil Bayern Munich li magħhom rebaħ iċ-Champions League, fl-2020. Iżda l-Ġermaniżi ma kellhom l-ebda intenzjoni li jiffirmawh b’mod permanenti biex reġa’ rritorna fi Spanja.
Minħabba s-salarju tiegħu, Barcelona jridu jneħħuh akkost ta’ kollox … u minkejja li wera x-xewqa li jirritorna f’Anfield, Liverpool aċċennaw li mhux se jerġgħu jiffirmawh.