Il-każ “Negreira” qed ikompli jiddomina l-football Spanjol, ġimgħa wara li ġiet żvelata r-relazzjoni ta’ Barcelona ma’ Enriquez Negreira.
Il-kumpanija ta’ Negreira, Dasnil 95, irċeviet €1.4m mingħand Barca għal servizzi ta’ scouting u rapporti verbali, għalkemm issa dik iċ-ċifra hija rrapurtata ferm ogħla.
Infatti ħarġet informazzjoni ġdida li Negreira bagħat lil Barcelona wara d-deċiżjoni tal-eks president Josep Maria Bartomeu li jtemm ir-relazzjoni kummerċjali tagħhom mal-eks viċi-president tal-Kumitat Tekniku tar-Referees.
Negreira kien bagħat ittra ta’ theddida lill-club li kien jesponi “l-irregolaritajiet” tagħhom lill-midja. Fit-tieni waħda tiegħu, talab lil Barcelona, permezz tar-rappreżentanti legali tiegħu, biex ikomplu jħallsuh, minkejja li Bartomeu qata’ r-rabtiet tagħhom miegħu.
Negreira stqarr li l-Barca ma setgħux jieqfu jħallsuh “wara tant snin ta’ relazzjoni, tant favuri li għamlilhom u tant kunfidenza bejniethom.”
La Liga diġà ħabbret li Barcelona mhux se jiffaċċjaw l-ebda sanzjoni sportiva min-naħa tagħhom f’El Caso Negreira.