Barcelona ddeċidew li se jkollhom jagħżlu bejn Ousmane Dembele u Adama Traore għal min jibqa’ fil-Camp Nou.
Wara li l-karriera ta’ Dembele bil-flokk ta’ Barcelona dehret li se tintemm f’Jannar, l-internazzjonali Franċiż baqa’ fil-club lil hinn mit-tieqa tat-trasferimenti ta’ nofs l-istaġun u rreġistra seba’ assists minn dakinhar.
Traore, li xahrejn ilu ġie akkwistat mill-Katalani b’self mingħand Wolverhampton Wanderers, fil-bidu kien ippjanat li jkun il-winger biex jieħu post Dembele, iżda issa bid-diffikultajiet finanzjarji ta’ Barcelona, iż-żewġ players ma jistgħux ikomplu l-karriera tagħhom fil-Katalunja.
Huwa mifhum li lil Barcelona se jiswiehom €30m biex jiffirmaw b’mod permanenti lil Traore mingħand Wolves, filwaqt li l-ġganti Spanjoli jkollhom jiftħu taħditiet kuntrattwali ma’ Dembele, li huwa liberu li jinnegozja t-termini ma’ clubs barranin hekk kif il-kuntratt tiegħu jiskadi fi tmiem dan l-istaġun.
Huwa maħsub li Dembele ikun miftuħ li jibqa’ mat-team ta’ Xavi jekk l-offerta tkun korretta għalih, u din tista’ tkun għażla irħas għall-club milli jixtru lil Traore mingħand il-club tal-Premier League.
Dembele għamel biss 12-il dehra fil-La Liga matul dan l-istaġun, filwaqt li Traore ipprovda żewġ assists fis-sitt ħarġiet domestiċi tiegħu minn mindu ingħaqad ma’ Barcelona f’Jannar.