Saturday, December 21, 2024

“Barra minn Malta qegħdin jistaqsuna kif qegħdin nikkonvinċu lin-nies biex jitlaqqmu”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Anke barra minn Malta qegħdin jistaqsuna kif qegħdin jirnexxielna nħeġġu lin-nies biex jersqu għall-booster. In-nies ġew bi ħġarhom għax fehmu li l-vaċċin huwa s-soluzjoni biex niġġieldu l-virus. Għad għandna mal-100 persuna kuljum li qegħdin jersqu biex jieħdu l-ewwel doża tal-vaċċin grazzi għall-informazzjoni kontwinwa li qegħdin inkomplu nwasslu.” Sostniet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci waqt li kienet qiegħda twieġeb għal xi mistoqsijiet b’rabta mal-aġġornament tas-sitwazzjoni tal-virus u l-programm tat-tilqim f’pajjiżna.

Gauci qalet li dan seta’ jkun possibbli għax l-awtoritajiet Maltin sa mill-bidu nett saru l-ordnijiet neċessarji tal-vaċċin u dejjem kien hawn il-vaċċin bi strateġija li dawn ma jitħallewx fil-friġġ u jinħarġu sejħiet biex il-vaċċin jitqassam biex jiġu protetti dawk l-aktar vulnerabbli u warajhom segwew il-kategoriji l-oħra skont l-istess strateġija.

Gauci tkellmet dwar il-vaċċin u qalet li hu rakkomandat li persuna pożittiva tħalli erba’ ġimgħat biex titlaqqam, iżda jekk persuna li ma tkunx konxja li hija pożittiva minħabba li ma jkollhiex sintomi, l-agħar ħaġa li jista’ jiġri huwa li l-effetti ta’ wara t-tilqima jkunu ftit aktar min-normal.

Tkellmet dwar ir-restrizzjonijiet u qalet li l-awtoritajiet waqqfu l-attivitajiet bilwieqfa għax studji juru li dawn huma l-aktar li jżidu r-riskju tal-firxa. Studji oħra qegħdin juru li dawk imlaqqmin jistgħu jagħmlu perjodu iqsar ta’ iżolazzjoni u b’hekk dawk bil-booster jew imlaqqmin (f’każi ta’ persuni ta’ taħt 18-il sena) qegħdin jagħmlu perjodu ta’ għaxart ijiem minflok 14-il jum. Barra minn hekk dawk imlaqqmin li jkunu ġew f’kuntatt ma’ persuna pożittiva, iżda jirriżultaw negattivi wara sebat ijiem mill-kuntatt, qegħdin jitħallew joħorġu. Dawn huma fost il-ħafna benefiċċji tal-booster.

Rigward l-Iżrael li diġà beda jagħti r-raba’ doża, Gauci qalet li d-dinja għandha għajnjejha fuq dan il-pajjiż li sa mill-bidu tal-pandemija kienu minn ta’ quddiem fl-istudji tagħhom. Hija żiedet li pajjiżna qiegħed jimxi skont il-pariri tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMA).

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tkellmet ukoll dwar l-effettività tal-booster u li skont l-istudji li saru s’issa, konxji li bejn it-tieni doża u l-booster hemm perjodu ta’ tliet xhur u issa l-istudji li qegħdin ikomplu jsiru fl-Iżrael se jivverifikaw il-perjodu tal-immunità bejn il-booster u r-raba’ doża.

Id-Direttur tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) fil-bidu tas-sena ħareġ bi stqarrija qawwija fejn qal li din is-sena kapaċi tkun l-aħħar sena tal-Covid-19. Għal din l-istqarrija Gauci qalet li nafu li ġeneralment il-pandemiji jdumu numru ta’ snin, iżda l-appell tal-WHO huwa li tħeġġeġ kemm jista’ jkun nies biex il-bqija tad-dinja tkompli titlaqqam. 

Hija fakkret li permezz ta’ ċertu miżuri bħalma huma l-ilbies tal-maskri u l-fatt li jekk ikollok is-sintomi għandek tibqa’ ġewwa qegħdin inaqqsu l-problemi respiratorji oħra bħalma huma l-każi tal-influwenza li naqsu meta kkumparat mas-snin ta’ qabel il-pandemija.

Gauci temmet tappella dwar l-importanza li kemm jista’ jkun it-tfal jitlaqqmu biex dawn ikunu jistgħu jattendu b’mod fiżiku għal-lezzjonijiet tagħhom. Hija sostniet dwar l-importanza li nimxu fuq il-pariri ta’ min jifhem li kkonferma li aħna għandna vaċċin li huwa sigur u għalhekk jeħtieġ inkomplu nitlaqqmu.

Ekonomija

Sport