Il-Plejer barrani ta’ Athleta, Kurt James huwa l-BOV Basketball Plejer tax-Xahar tal-Ewwel Diviżjoni għal Novembru 2024. Janai Crooms ta’ Depiro rebħet l-unur għall-kompetizzjonijiet tan-Nisa filwaqt li Kai Fabri ta’ Starlites kiseb l-unur individwali għall-BOV Amateur League.
L-Amerikan ta’ 6’5 Kurt James, li ngħaqad ma’ Athleta mingħand Starlites fil-bidu tal-istaġun huwa plejer versatili li jista’ jilgħab fil-pożizzjonijiet kollha. James kiseb l-ogħla numru ta’ punti fil-Kampjonat BOV Basketball tal-Ewwel Diviżjoni matul Novembru b’169 punt f’6 logħbiet (28.17ppg). B’medja ta’ 35 minuta fil-court f’kull logħba matul Novembru, James jinsab ukoll fuq nett tal-lista tal-aqwa rebounders tal-istaġun b’14.40-il rebound kull logħba flimkien ma’ 2.6 steals fejn sofra wkoll medja ta’ 6.17 fouls kull logħba.
Il-Plejer Rwandana/Amerikana Janai Crooms ta’ 25 sena rebħet l-unur għad-diviżjoni tan-Nisa. L-internazzjonali Rwandana kellha medja ta’ 19.5 punt kull logħba matul Novembru fejn ġabet xejn inqas minn 55 rebound f’4 ħarġiet akkumpanjati minn 11-il assist u 11-il steal matul ix-xahar.
Ix-shooting guard ta’ 16-il sena ta’ Starlites Kai Fabri rebaħ l-unur individwali għall-BOV Amateur League. B’65 punt f’4 logħbiet (16.25ppg), li kienu jinkludu 9 treys, Fabri kien ukoll l-iktar plejer li għamel ħin fil-court fid-diviżjoni tiegħu b’medja ta’ 33.16 minuta kull logħba.
Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta ppreżenta lir-rebbieħa trofew magħmul apposta fil-Padiljun tal-Basketball ta’ Ta’ Qali.
Il-promozzjoni tal-eċċellenza fl-isports b’mod etiku u responsabbli tifforma parti mill-impenn tal-Bank of Valletta u l-Malta Basketball Association lejn il-valuri tal-komunità u r-responsabbiltà soċjali.