Wednesday, January 7, 2026

Bastimenti Russi jgħassu t-tanker taż-żejt li qed jiġi segwit mill-forzi Amerikani

Aqra wkoll

Ir-Russja skjerat bastimenti navali biex jeskortaw tanker taż-żejt li qed jiġi segwit ukoll mill-forzi Amerikani minn naħa għall-oħra tal-Atlantiku. Il-vapur, li bħalissa mhu qed iġorr xejn, fl-imgħoddi ittrasporta żejt mhux raffinat Venezwelan u kien maħsub li kien jinsab bejn l-Iskozja u l-Islanda nhar it-Tlieta.

Il-President Donald Trump ix-xahar li għadda ordna imblokk tat-tankers taż-żejt sanzjonati li jidħlu u joħorġu mill-Venezwela, mossa li l-gvern Venezwelan kien iddeskriva bħala serq sfaċċat.

Qabel inħataf l-eks mexxej tal-Venezwela Nicolás Maduro mill-Istati Uniti nhar is-Sibt, Trump akkuża ripetutament lill-Gvern tal-Venezwela li qed juża vapuri biex iwassal id-droga fl-Istati Uniti.

Membri tal-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti ppruvaw jitilgħu abbord it-tanker Bella 1 ix-xahar li għadda fil-Karibew meta kien maħsub li kien sejjer lejn il-Venezwela. Huma kellhom mandat biex jaqbdu il-vapur, li kien akkużat li kiser is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti u li ttrasporta żejt Iranjan.

Aktar tard, il-vapur biddel ir-rotta – kif ukoll ismu għal Marinera – u allegatament biddel il-bandiera minn bastiment Guyaniż għal wieħed Russu. Ir-Russja qalet li qed tissorvelja bi tħassib is-sitwazzjoni madwar dan it-tanker.

Skont il-liġi internazzjonali, bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż huma taħt il-protezzjoni ta’ dak in-nazzjon iżda Dimitris Ampatzidis, analista anzjan tar-riskju u l-konformità fid-ditta tal-intelliġenza marittima Kpler, qal lil BBC Verify li l-bidla fl-isem u l-bandiera tal-bastiment tista’ ma tbiddilx ħafna.

Ampatzidis żied jgħid li l-bidla għar-reġistru Russu tista’ tikkawża “frizzjoni diplomatika” iżda ma twaqqaf l-ebda azzjoni ta’ infurzar tal-Istati Uniti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport