Bayern Munich qed jikkunsidraw jekk għandhomx jimmultaw, jissospendu jew ikeċċux lil Sadio Mane wara li nhar it-Tlieta ħebb għall-kollega tiegħu, Leroy Sane, fid-dressing room wara t-telfa ta’ 3-0 kontra Manchester City, valida mill-ewwel leg tal-kwarti-finali tal-UEFA Champions League, li ntlagħbet fl-Etihad Stadium.
Hekk kif daħlu fid-dressing room, inqala’ argument bejn iż-żewġ players fejn kien allegat li Mane ta daqqa ta’ ponn fuq xofftejn Sane.
Anke jekk il-Ħamis, Sane deher jitħarreġ ma’ sħabu u mal-kumplament tal-iskwadra, il-kuntratt tiegħu fl-Allianz Arena xorta jista’ jiġi tterminat mill-ġganti tal-Bundesliga, li jinsabu fil-proċess biex l-attakkant Senegaliż jingħata sanzjoni xierqa.