Sunday, November 24, 2024

BCRS tikkonferma li se żżid aktar Reverse Vending Machines 

L-Iskema ta' Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb tilħaq il-miljun fl-ewwel ftit jiem

Aqra wkoll

L-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenitur tax-Xorb laħqet il-miljun kontenitur tax-xorb tat-tip single-use miġbur għar-riċiklaġġ fl-ewwel ftit jiem. Wara kampanja edukattiva intensiva, fl-14 ta’ Novembru tnediet l-iskema mifruxa mal-pajjiż kollu mmexxija mill-operatur liċenzjat bla skop ta’ qligħ, BCRS Malta Ltd, u sa mill-bidu tal-iskema ġiet irreġistrata żieda qawwija fil-parteċipazzjoni tal-pubbliku. 

F’kumment dwar ir-riżultati, il-Kap Eżekuttiv ta’ BRCS Malta Ltd, l-Inġ. Edward Chetcuti nnota li: “Ir-rispons pożittiv tal-pubbliku u r-rata għolja ta’ parteċipazzjoni qed tikkonferma l-għażla li jiġi adottat il-mudell ta’ Skema ta’ Depożitu ta’ Rifużjoni li jippromwovi u jinkoraġġixxi qafas ta’ responsabbiltà kollettiva kondiviża li fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta f’ambjent Malti aktar nadif u ekoloġiku. Ninsabu mimlijin kuraġġ bis-sehem tal-komunità biex jirritornaw kontenituri vojta għar-riċiklaġġ. L-40 tunnellata ta’ kontainers vojta miġbura minn madwar Malta u Għawdex kollha, fi ftit inqas minn 7 ijiem, issa qed jiġu magħżula fil-Clearing Centre tagħna bi tħejjija għar-riċiklaġġ, biex fl-aħħar mill-aħħar jerġgħu jintużaw biex isiru kontenituri tax-xorb ġodda. Fil-jiem li ġejjin, BCRS Malta ser tinstalla aktar Reverse Vending Machines (RVM) f’ċertu lokalitajiet, kif ukoll tkompli ssaħħaħ il-loġistika ġenerali. Dan hekk kif qed nibnu fuq dan it-tragward importanti tal-1 miljun flixkun miġbur billi nistinkaw sabiex inkomplu ntejbu l-effiċjenza ta’ din is-sistema bil-ħsieb li nimminimizzaw l-inkonvenjenzi ħalli flimkien nitgħallmu modi ġodda ta’ riċiklaġġ.”

“L-idea ta’ ekonomija ċirkolari hi bbażata fuq il-kunċett li kwantità fissa ta’ materjal tiġi riċiklata ripetutament. Biex jinkiseb dan, l-iskema tipprovdi fluss ta’ ġbir separat li jissalvagwardja l-iskart minn kull kontaminazzjoni possibbli u żżomm il-materjal miġbur u pproċessat f’kundizzjoni mhux kontaminata biex jiġi esportat barra minn Malta. Dan peress li f’Malta bħalissa m’hemm l-ebda kumpanija li kapaċi tirriċikla u taħdem il-materjal miġbur lura fil-materja oriġinali tiegħu biex jerġa’ jintuża u jitħallat ma’ materjal verġni għall-produzzjoni ta’ kontenituri ġodda tax-xorb. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-liċenzja tagħha, biex tipprovdi serħan il-moħħ, trasparenza u traċċa ta’ verifika traċċabbli, kull lott ta’ materjal miġbur u esportat barra mill-pajjiż minn BCRS huwa meħtieġ li jingħata ċertifikat mill-impjant ta’ riċiklaġġ li jirċievi u jsemmi li se jiġi pproċessat kif suppost għall-użu mill-ġdid konformi mal-leġiżlazzjonijiet tal-UE,” żied jgħid l-Inġ. Chetcuti.

Fix-xhur preparatorji ta’ qabel it-tnedija, BCRS Malta Ltd. għamlet investiment privat ta’ €18-il miljun biex tpoġġi l-infrastruttura meħtieġa – inkluż il-BCRS Clearing Centre f’Ħal Far – kif ukoll makkinarju avvanzat, netwerk tat-teknoloġija inklużi l-RVMs operati mill-IoT, u persunal professjonali. L-iskema qed titmexxa minn netwerk estensiv ta’ Reverse Vending Machines li jirriċiklaw kontenituri vojta tax-xorb li jintużaw darba biss mingħand il-konsumaturi, u mill-magni stess jingħataw rifużjoni tad-depożitu. Il-konsumaturi jistgħu jiksbu lura rifużjoni sħiħa tad-depożitu permezz ta’ tliet modi differenti; f’Reverse Vending Machine installata fis-Supermarkets u l-ħwienet tal-merċa; f’Reverse Vending Machine f’Public Recycling Hubs installati f’diversi lokalitajiet u, fejn applikabbli, billi wieħed jeħodhom għand bejjiegħa tal-merċa li qed jipparteċipaw fl-iskema bħala post ta’ fidwa bl-użu ta’ ġbir manwali.

Fil-każ ta’ stabbilimenti tal-catering, id-depożitu għandu jitħallas mill-konsumatur biss meta l-kontenitur tax-xorb jitneħħa mill-istabbiliment mill-konsumatur stess. Meta jiġi kkunsmat fil-post, il-konsumatur m’għandux iħallas għad-depożitu, u l-istabbiliment għandu jżomm il-kontenituri tax-xorb u biex ikun jista’ jitlob lura d-depożitu meta l-kontainers imsemmija jintbagħtu lura lill-BCRS.

Għal aktar tagħrif dwar BCRS jew biex issib l-eqreb Reverse Vending Machine, żur https://bcrsmalta.mt

Sport