Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Kien missieri li introduċieni lejn il-logħba tal-futbol. Kien jeħodni nilgħab fuq il-Fosos il-Furjana u dejjem kien jeħodni l-grawnd biex nara lil Floriana FC jilagħbu.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq it-tragward tal-200 partita fil-futbol lokali li lħaqt proprju fil-jiem li għaddew?
Ċertament kuntent fuq livell personali li wasalt s’hawn fil-karriera tiegħi, u b’dan it-tragward iktar għamilt kuraġġ biex inkompli nilgħab il-logħba tal-futbol li tant tagħtini pjaċir. Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kellhom x’ jaqsmu mal-karriera tiegħi s’issa għax bl-għajnuna tagħhom, dan seħħ.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tieghek ma’ Swieqi United FC.
L-esperjenza tiegħi mas-Swieqi kienet professjonali għall-aħħar. Il-klabb qed jagħmel minn kollox biex jagħmilha mal-aqwa 12 fil-pajjiż. Kien hemm mumenti sbieħ immens, peró l-mumenti diffiċli ma kinux ineżistenti. Peró, bl-ambjent ferrieħi li hemm bħalissa, bl-għajnuna ta’ kull min għandu x’jaqsam, nemmen li kapaċi naslu għal dak li jixtieq il-klabb fl-aħħar tal-istaġun.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Hemm għaqda kbira fit-tim, żgur li nista’ ngħid li bejnietna l-plejers ikkreajajna ambjent li jġiegħlek tkun fid-dressing room ftit qabel il-ħin meħtieġ, u iktar ma għaqda żmien iktar ingħaqad u tħabbeb it-tim ma’ xulxin. Xi ċajta ‘l hemm u ‘l hawn fid-dressing room ma tonqosx wara li nlestu s-sessjoni u għalija dik xi ħaġa li għandu jkollu kull tim.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Fuq nota aktar serja, it-tim ta’ Swieqi qiegħed hemm biex jieħu promozzjoni għall- Premier, xejn inqas. L-investiment jidher li sar biċ-ċar u anke issa la għadda Jannar, il-klabb reġa’ saħħaħ l-iskwadra minn fuq is-suq.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nemmen li l-livell tat-tim nazzjonali Malti tjieb mhux ftit, u saħansira ġab riżultati ferm tajbin f’dawn l-aħħar ħames snin. Fix-xena lokali nemmen li għad hemm lok għall-irfinar, fil-plejers li jilagħbu u anke fl-amministrazzjonijiet ta’ klabbs. Iżda ħafifa ngħid dan il-kliem għax il-fatti kulħadd jafhom li l-klabbs kultant mirakli jagħmlu biex isibu nies li jgħinuhom fix-xogħol ta’ kuljum, u anke finanzjarjament.
Xogħol li hawn ħafna nies li ma jafux li qed isir min individwi dedikati għall-aħħar u jagħmluh mingħajr ma jieħdu xejn lura. Ma nistax ma nsemmix lill-MFPA li kienet verament organizzazzjoni li kontribwixxiet fit-tajjeb għall-plejers u l-futbol Malti kollu bix-xogħol tagħha.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Minn meta bdejt nilgħab il-futbol għall-ġurnata tal-lum rajt tibdila kompletament. Speċjalment fl-ucuh tal-grawnds li illum huma ta livell tajjeb Hafna minn fejn kienu qabel.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Fis-snin li ġejjin l-għan tiegħi huwa li nkompli naħdem u nistinka kemm niflaħ biex nibqa’ nilgħab il-logħba tal-futbol. Nixtieq li nara lil Swieqi United fil-Malta Premier, l-iktar ħaġa li għandi fuq moħħi fil-futur ġejjieni. Mitejn partita uffiċjali hija figura sabiħa imma 400 togħġobni iktar żgur!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-logħba tal-futbol qiegħda hemmhekk biex tintlagħab minn dawk l-individwi li lesti jagħmlu sagrifiċċju fil-ħajja tagħhom, minn ħruġ, sa festi, ikel u safar, kollox ikollu jsir f’ħinu u f’waqtu. Imma l-pjaċir li jagħtik il-futbol u l-opportunitajiet li jiġu miegħu fil-ħajja, plejer tal-futbol li rnexxielu jasal jifhem dak li qiegħed ngħid. Min irid, jasal!

