Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva nieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar id-donazzjoni tal-organi wara l-mewt kardijaka/ċirkulatorja. Ħabbar dan il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Għalkemm matul is-snin, id-donaturi wara mewt tal-moħħ/newroloġika salvaw ħafna ħajjiet, it-tibdil propost fil-liġi jista’ jwassal għal-żieda fit-trapjanti ta’ 40-50%.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal li huwa dmir ta’ Gvern progressiv li jippromwovi l-valur u l-kwalità tal-ħajja b’diversi modi u aspetti. Qal li biex niżguraw li kwalunkwe organi li jistgħu jsalvaw ħajjiet ikunu disponibbli, hemm bżonn ta’ intervent leġiżlattiv biex jipprovdi aktar possibilità għall-organi u t-tessuti.
“B’din il-bidla nistgħu nagħtu spinta fid-donazzjoni tal-organi b’żieda notevoli fir-rata ta’ trapjanti li jagħtu ħajja ġdida,” tenna Dr Abela.
Dr Abela spjega li biex dan iseħħ hemm bżonn intervent leġiżlattiv f’Artikolu 12(1) tal-att prinċipali fejn issa d-donazzjoni ta’ organi, tessuti jew ċelloli mejta għandha tiġi kkunsidrata f’persuni li huma ċċertifikati mejta bl-użu ta’ kriterji newroloġiċi jew ċirkolatorji minn tabib. L-għanijiet u r-raġunijiet ta’ dan l-abbozz fil-liġi huma sabiex iwessgħu l-istanzi fejn tista’ sseħħ donazzjoni ta’ organi, tessuti u ċelloli umani wara mewt newroloġika u ċirkolatorja.
Il-Ministru Abela rringrazzja lill-MP Ivan Bartolo, l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma li ħadmu mal-Ministeru sabiex illum qed naraw it-tnedija ta’ din il-konsultazzjoni pubblika.
“Din hija turija ta’ solidarjetà u għaqda li fejn tidħol saħħet il-pazjent, qed naraw iż-żewġ partiti u l-Knisja jaħdmu flimkien għal għan wieħed. Din hija maturità politika li tista’ tkun rivoluzzjonarja. Inħeġġeġ lil kulħadd ikun parteċipi fejn flimkien nistgħu nagħmlu verament differenza f’ħajjet in-nies,” temm jgħid Dr Abela.


