Tuesday, January 6, 2026

“B’daqshekk x’ġara? … u beda jidħak” – Xhud ewlieni fil-każ ta’ Hassane Soutra mixli li weġġa’ gravi ħames persuni f’inċident f’Marsalforn 

Aqra wkoll

“Kont għedtlu: Taf x’ġara hemm fuq? Taf li hemm in-nies feruti? U hu weġibni b’daqshekk x’ġara… u beda jidħak.” Xehed dan Luke Cauchi, meta fil-Qorti t’Għawdex bdiet tinstema’ l-kumplazzjoni fil-konfront ta’ Hassane Soutra. 

Soutra, Marokkin ta’ 53 sena jinsab akkużat li fis-sigħat bikrin tal-Ħadd 21 ta’ Diċembru 2025 allegatament weġġa’ gravi ħames persuni f’inċident li seħħ fi Triq ta’ Marsalforn f’Għawdex.

Fuq il-pedana tax-xhieda, Cauchi biex qal li “rajt xena ta’ ftit sekondi… xena bħal tal-films… rajt in-nies itiru fl-arja.” Ix-xhud qal li hu kien fil-karozza li kienet fid-direzzjoni tar-Rabat wara li ħareġ minn party li kien organizzat mill-GUG fil-Maxtura. 

B’Soutra fl-awla jisma’ x-xhieda b’mod mill-aktar kalm, Cauchi spjega quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech li kien għall-ħabta tat-3.00 a.m. tal-Ħadd, meta huwa kien qiegħed fil-karozza biex isuq lejn id-dar.

Xehed li f’daqqa waħda ra karozza tinsaq b’veloċità qawwija fid-direzzjoni opposta tiegħu u ra persuna ttir fl-għoli mbagħad tinstabat mal-art fil-ġenb tat-triq. 

“Rajt ukoll diversi persuni jgħaddu minn fuq il-bonnet tal-karozza u kollha jispiċċaw fl-art… Indunajt li min kien wettaq dan l-inċident baqa’ jsuq lejn Marsaforn u ma nafx kif u għaliex għamilt u-turn u soqt għal warajh. Għaddejt minn ħdejh u waqqaft quddiem il-karozza tiegħu u mblukkajtlu t-triq,” xehed Cauchi.

Kompla jixhed li mill-karozza – eżatt min-naħa tal-passiġġier ħarġet mara li bdiet tgħajjat miegħu u bdiet tgħidlu li s-sewwieq kien taħt ħass ħażin… “Imbagħad ħareġ is-sewwieq… dak ara kien qiegħed bl-istess gakketta li kien fl-inċident u għedtlu taf x’ġara hemm fuq? Taf li hemm in-nies feruti? u hu rrispondieni: B’daqshekk ġara? U beda jidħak,” filwaqt li qal li l-imputat beda jitbandal biex jimxi hekk kif kien jidher li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Id-difiża fil-kontra eżami tagħha staqsiet lix-xhud jekk kienx hu li waqqaf il-karozza… u Cauchi qal li “iva jien waqqaftha… ma kinixt għadha miexja bl-istess veloċità iżda jien waqqaftha għax imblukkajtlu t-triq.”

Id-difiża baqgħet tinsisti li l-imputat kien waqaf milli jsuq u dan skont kif deher fil-filmati tas-CCTV li ġew ippreżentati mill-Prosekuzzjoni. 

Kien għalhekk li d-difiża talbet lill-Qorti biex ix-xhud jiġi muri l-filmati tas-CCTV, fejn id-difiża qalet li qabel ma x-xhud għamel il-u-turn l-imputat kien diġà waqqaf. Muri l-filmati, ix-xhud baqa’ jinsisti li kien hu li waqqaf lill-imputat milli jkompli jsuq.

Sadanittant, fis-seduta tat-Tlieta xehed ukoll l-Ispettur Keith Xerri li qiegħed imexxi l-Prosekuzzjoni. Spjega fid-dettall dak li allegatament seħħ u anke ta dettalji dwar dak li sab fuq il-post tar-reat.

L-Ispettur Xerri spjega li l-imputat hekk kif ġie arrestat ingħata d-drittijiet kollha tiegħu u għall-ħabta tat-3.30 a.m. “għamilt talba biex isir it-test tan-nifs biex jiġi stabbilit jekk l-imputat kienx taħt l-influwenza tal-alkoħol.”

Spjega li Soutra ingħata d-dritt li ma jagħmilx it-test, kif ukoll ingħata d-dritt li jkellem lil xi avukat tal-fiduċja tiegħu. “Hu qal li ried ikellem lill-Avukat, u kien f’dan il-ħin li beda jqalleb fil-mobile u jara xi numri, iżda fl-ebda ħin ma pprova jagħmel xi telefonata. Wara hu ddeċieda li jagħmel it-test ta’ nifs li rriżulta li kien 105.6mg meta l-liġi tistabilixxi li biex issuq ma tistax tieħu aktar minn 22mg ta’ alkoħol,” kompla jispjega l-Ispettur.

Minħabba li kien konxju li d-difiża se tqajjem il-punti dwar jekk kellux jittieħed it-test tan-nifs, il-Maġistrat ordnat li jittieħed test tad-demm tal-imputat biex ikunu ċerti l-livell tal-alkoħol li kellu. Qal li l-Maġistrat ordnat ukoll li jittieħdu kampjuni tad-DNA minn fuq l-istering tal-karozza u anke minn fuq il-hand break biex ma jkun hemm l-ebda dubju li ma kienx l-imputat li kien qiegħed isuq.

Dwar il-karozza, l-Ispettur qal li din kienet irreġistrata fuq is-sieħba tal-imputat u minn aktar investigazzjonijiet ġie stabbilit li s-sieħba qatt ma kellha liċenzja tas-sewqan.

Fix-xhieda tiegħu, huwa żied jgħid li l-ewwel informazzjoni kienet li fl-inċident kien hemm tliet persuni feruti. Spjega li hu mar l-Isptar qabel ma mar fuq il-post tar-reat. Xehed li kien tkellem ma’ tnejn mill-vittmi, iżda l-ieħor kien diġà qiegħed jiġi operat filwaqt li t-tobba informawh li kien jinsab fil-periklu tal-mewt.

Mistoqsi mill-Maġistrat x’inhi s-sitwazzjoni preżenti tal-ġuvni l-aktar li sofra ġrieħi, l-Ispettur Xerri qal li hu ġie trasferit lejn l-Isptar Mater Dei u s’issa għadu fil-periklu tal-mewt.

Quddiem il-Maġistrat Grech, l-Ispettur Xerri xehed li aktar tard matul il-ġurnata kien irċievew telefonata mill-Isptar Mater Dei li kien daħal raġel fejn kellu ġrieħi gravi u dan qal lit-tobba li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Għawdex. Spjega li dan ir-raġel hu tabib u xħin weġġa’ saq minn fuq il-post u mar lura Malta iżda aktar tard mar għall-kura l-Isptar.

Qal li l-ħames vittma hija s-sieħba tal-imputat li kienet fil-karozza miegħu.

L-Ispettur Xerri spjega fid-dettall dwar kif ġie stabbilit li l-imputat kien qiegħed isuq b’veloċità qawwija. Xehed li “kieku kien għaddej bil-mod kieku wieħed mill-vittma ma kienx itir,” filwaqt li fakkar li t-triq fejn seħħ l-inċident minħabba li għaddejjin xogħlijiet wieħed ma jistax isuq aktar minn 30km fis-siegħa.

Kompla jgħid li l-imputat ma ħabat mal-ebda ħajt għax kieku “d-daqqa fuq il-karozza kienet tkun ferm akbar”. 

L-Ispettur ippreżenta wkoll diversi filmati ta’ CCTVs li ttieħed minn fuq il-post u anke sensiela ta’ ritratti li ġibed hu stess meta mar fuq il-post.

Fi tmiem is-seduta saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Qorti se tkun qed tagħti digriet f’dan ir-rigward l-Erbgħa. 

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Xerri. L-Avukati Anthea Bonnici Zammit u Delilah Vella dehru għall-imputat filwaqt li l-Avukati Francesca Zarb, Lennox Vella, Robert Spiteri u Ilenia Agius Debono dehru għall-vittmi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport