Saturday, November 23, 2024

“Bdejna naraw ċaqliqa fit-turiżmu f’Għawdex”

Aqra wkoll

Kien il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Tourism Association (GTA) Joe Muscat hekk kif kien mistoqsi minnal dwar is-sitwazzjoni tal-imsemmi settur fil-gżira li tiddependi aktar minn Malta fejn jidħol it-turiżmu.

Muscat spjegalna li meta fil-bidu ta’ dan ix-xahar tħabbar li l-vjaġġi bejn iż-żewġ gżejjer setgħu jerġgħu jkomplu bdew jaraw ċaqliqa fit-turiżmu domestiku.

Is-settur ħa spinta oħra bl-aħħar rilaxx li ra r-restoranti jiftħu mill-ġdid għalkemm Muscat għamilha ċara li ma kien hemm xejn straordinarju jew viċin il-livelli tas-soltu.

Huwa rrikonoxxa li s-sidien kienu kawti u waqt li semma li l-Għawdxin għadhom iktar xettiċi mill-Maltin semma kif kienu bejn 40 u 50 ir-restoranti li fetħu.

Is-CEO tal-GTA kompla li bħala medja r-restoranti raw bejn 80 u 85 klijent fuq medda ta’ tlitt ijiem meta soltu dan l-ammont kien jaraw fuq jum wieħed biss.

Madankollu rrimarka li trid tapprezza li filli kellu restoranti magħluqin u filli mhux biss riedu jerġgħu jiftħu imma anke jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa nkluż jippreparaw lill-ħaddiema għal din is-sitwazzjoni ġdida. 

Waqt li kompla jgħid li s-sitwazzjoni mhix waħda ta’ ‘back to normal’, Muscat sostna li s-settur ħerqan li jaħdem għax ilu xahrejn ma jdaħħalx flus.

Dwar jekk kienx hemm xi stabbilimenti li keċċew xi impjegati mindu feġġet l-imxija f’Malta, huwa irreferina għall-istħarriġ li kien sar fil-bidu ta’ Mejju fejn irriżulta li 81% tagħhom żammet il-ħaddiema.

Madankollu mill-istess stħarriġ kien ħareġ li jekk sa Ġunju s-sitwazzjoni ma kinietx se tinbidel ma kienux qed jeskludu sensji.

Muscat spjega kif minbarra ċaqliqa fir-restoranti raw ukoll li kien hemm numru ta’ Maltin li telgħu Għawdex biex iqattgħu ftit tal-jiem f’akkomodazzjoni ‘self-catering’.

Huwa semma li l-aħjar li marru kienu l-‘farmhouses’ hekk kif bil-miżuri tad-distanza soċjali qed ikun hemm bosta li jikru post sħiħ għall-familja, fosthom bis-‘swimming pools’, u mbagħad jew imorru jieklu f’xi restoranti jew jordnaw ‘take away’.

Dwar il-lukandi qal li dawn mhux kollha kienu qed joperaw imma uħud mistennijin jiftħu fil-bidu ta’ Ġunju.

Muscat tenna li Għawdex minn dejjem kienet gżira li tappella għall-Maltin tant li b’mod ġenerali nofs it-turisti fil-Gżira jkunu barranin u n-nofs l-ieħor proprju minn Malta.

Id-differenza tkun li waqt li b’mod ġenerali l-barranin iqattgħu madwar ħamest ijiem f’Għawdex il-Maltin li jitilgħu jagħmlu dan għal madwar jumejn.

Fl-istess waqt huwa qed jara li peress li l-ajruport għadu magħluq u bħala medja jkun hemm mal-150,000 li fis-sena jieħdu vaganza barra issa Għawdex għandha vantaġġ għax tista’ tattira Maltin li soltu jsiefru għal btala.

Minbarra l-Maltin li jistgħu jitilgħu Għawdex bħala vaganza hemm ukoll dawk li għandhom xi residenza fil-gżira u għalhekk dan ukoll jista’ jgħin biex ir-rota ekonomika f’Għawdex iżżid fir-ritmu.

Dwar il-possibilita li t-tariffi tal-Gozo Channel jorħsu, Muscat qalilna li ma jħossx li din hija prerogattiva biex twassal lill-Maltin li jitilgħu Għawdex għalkemm għamilha ċara li kull miżura pożittiva hija milqugħa.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GTA żied jisħaq li l-iktar ħaġa importanti bħalissa hija li fin-nuqqas ta’ kalendarju kulturali Għawdex jiġi reklamat għal attivitajiet ta’ avventura bħal ‘kayaking’, ‘abseiling’, ‘diving’, ‘biking’ u mixjiet fil-kampanja.

Sport