Mara rrakkontat fil-Qorti dak li għaddiet minnu wara li r-raġel tagħha allegatament kien hedded li jispara fuq uliedhom u fuqu nnifsu f’Ħadd il-Għid.
Il-mara xehdet permezz ta’ video-conference fi proċeduri kontra r-raġel ta’ 37 sena mill-Għargħur li qed jiġi mixli li hedded li jispara fuq bintu fostered ta’ 15-il sena, kuġintha, u bintu ta’ 10 snin. L-inċident jidher li kellu l-bidu tiegħu wara li l-imputat ġieħ suspett li martu kienet f’relazzjoni mal-missier bijoloġiku tat-tifla.
Il-koppja kien ilhom miżżewġin 12-il sena iżda s-sitwazzjoni matrimonjali tagħhom iddeterjorat u f’Jannar li għadda l-imputat ħareġ mid-dar wara sensiela ta’ argumenti mat-tifla li kienu ffosterjaw.
Jiem wara, il-mara rċeviet ittra ta’ separazzjoni li għall-ewwel irrifjutat li taċċetta, bit-tama li s-sitwazzjoni ta’ bejniethom titranġa. Iżda hija kompliet bil-proċeduri ta’ separazzjoni wara li qalet li kellha provi li żewġha kellu x’jaqsam ma’ mara oħra.
Il-mara spjegat fil-Qorti kif f’Ħadd il-Għid hija marret tiekol mal-ġenituri tagħha f’nofshinar. Iktar tard, it-tifla fostered tagħha nsistiet li trid tiltaqa’ mal-missier bijoloġiku tagħha, xi ħaġa li l-mara għall-ewwel ma riditx tagħmel.
Iżda wara li t-tifla kompliet tinsisti, fl-aħħar aċċettat li jmorru jiltaqgħu flimkien f’ristorant f’Tas-Sliema għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija. “Ħadna drink mar-raġel u l-familjari tiegħu u mbagħad tlaqna,” qalet ix-xhud li żiedet tgħid li wara saqet lura għad-dar għall-ħabta tat-8.30 p.m.
Waqt li kienet fir-ristorant, hija rċeviet telefonata fuq WhatsApp mingħand żewġha li staqsieha fejn kienu qegħdin.
Meta waslet lura d-dar u kienet fis-sodda, f’daqqa waħda semgħet bħal tisbit mal-bieb ta’ barra. Dan kien għall-ħabta tat-3.00 a.m. nhar it-18 ta’ April li għadda.
Il-bieb tas-sodda tagħha kien ikun imsakkar, prekawzjoni li kienet ilha tieħu minn meta tfarrak iż-żwieġ tagħhom. Hija qalet li l-akkużat daħal fl-appartament, ħabbat mal-bieb ta’ martu u wara mar fil-kamra ta’ bintu fostered.
“Oħroġ. Għażel bejni jew bejn missierek,” qalilha r-raġel. Meta l-mara ntervjeniet u talbet spjegazzjoni, ir-raġel b’rabja mbottaha barra mill-appartament filwaqt li ried ikun jaf jekk kinitx iltaqgħet mar-raġel l-ieħor.
Hija qalet li pprovat timbutta biex tiftaħ il-bieb u sejħet lil bintha biex tagħtiha l-mobile. Qalet li meta kellha l-mobile, ċemplet fuq in-numru 112 għall-għajnuna. Imbagħad hija ħarġet barra fit-triq u pprovat tistaħba sakemm ġew il-pulizija. Sadanittant, bintha kienet ċemplitilha u qaltilha biex “terġa’ lura”.
Qalet li meta l-uffiċjali waslu ftit tal-ħin wara, dawn qalulha biex tpoġġi l-mobile tagħha fuq speaker meta l-akkużat ċemplilha u allegatament instema’ jgħid li kien jekk ma terġax lura d-dar kien se joqtol lit-tfal u wara lilu nnifsu.
Hu bagħtilha wkoll SMS u wara reġa’ ċempel fejn wissieha li kien “għadda l-ħin.” Hija qalet li dak il-ħin bdiet tgħajjat u twerżaq sakemm intervjenew il-pulizija u fl-aħħar reġgħet ingħaqdet ma’ wliedha.
“Meta ġie d-dar (l-imputat), ma kienx f’sikktu. Fl-opinjoni tiegħi kien xorob,” spjegat ix-xhud. “Huwa bniedem kwiet, u jħobb it-tfal imma meta jkun taħt l-influwenza tal-alkoħol jinbidel. Dan kien ġara f’diversi okkażjonijiet oħra,” tenniet ix-xhud.
Il-każ ikompli.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur John Spiteri. L-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono qed jidhru għall-imputat. L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher parte civile għall-allegati vittmi.