Tuesday, July 22, 2025

‘Bdejt nitħarreġ fl-atletika meta kelli ‘l fuq minn 30 sena u nħossni li għad għandi potenzjal inkompli nżid fit-taħriġ biex intejjeb il-ħinijiet’ – Michelle Dimech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq is-suċċess li ksibt fl-Island Games f’Orkney, l-Iskozja għan-nom ta’ Għawdex?

Dawn kienu l-ewwel Island Games li ħadt sehem fihom jien u anke l-ewwel tellieqa ta’ 10,000 metru fuq it-trakka għalija. Sfortunatament bħala midalji u ħinijiet ma kinux l-aħjar li qatt ksibt u ma jirriflettux dak li ħdimt għalih flimkien mal-kowċ tiegħi Felicienne Mercieca tul dawn l-aħħar sentejn biex ikkwalifikajt f’żewġ distanzi għal dawn il-Logħob.

Dan minħabba li bejn Mejju u Ġunju għaddejt minn ‘stress fracture’ fil-pala ta’ saqajja li żammitni ‘l bogħod mit-taħriġ tal-ġiri għal tmien ġimgħat shah u li ħallitli biss tliet ġimghat qabel it-tlielaq tal-Island Games sabiex nerġa’ nibda t-taħriġ fil-ġiri. 

Minkejja dan, onorata li xorta rnexxieli nieħu sehem f’dawn il-Logħob u nikseb riżultati rispettabli fost atleti minn pajjiżi oħra b’esperjenza kbira fejn ksibt id-disa’ post minn 15 il-atleta fid-distanza tal-10,000 metru u l-11 il-post minn 25 atleta fid-distanza tan-Nofs Maratona. 

X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek bħala atleta?

Fil-karriera tiegħi rbahħ ammont konsiderevoli ta’ tlielaq kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex bl-akbar żewġ successi li ksibthom barra minn xtutna fejn kont ksibt it-tieni post fid-distanza ta’ 10 kilometri fit-triq f’tellieqa f’Ateni b’ħin uffiċjali ta’ ftit aktar minn 36 minuta. Irbaħt anke tellieqa ġewwa Rimini u ksibt riżultat tajjeb ukoll bl-aħjar ħin personali fid-distanza tan-Nofs Maratona fil-Manchester Half Marathon b’ħin ta’ 82 minuta. 

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

L-atletika qed iżżid fil-popolaritá u qed naraw aktar atleti jiksbu suċċessi kbar anke barra minn xtutna. Il-media qed tagħti aktar importanza lil dan l-isport u dan ikompli jħeġġeġ lill-atleti preżenti u futuri.

U dak tar riżorsi fejn titharrgu u jkollkom il kompetizzjonijiet taghkom?

Rigward riżorsi, f’Għawdex għadna ftit limitati min-naha ta’ atletika fejn qed jinħass ħafna l-bżonn għal trakka ta’ 400 metru fejn inkunu nistgħu nitħarrġu bħall-atleti Maltin.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Wara dawn il-Logħob li għadni kif ħadt sehem fihom, qed inħares b’aktar ħerqa ‘l quddiem biex inkompli naħdem u jekk ma jinqala’ xejn, sentejn oħra nerġa’ nikkwalifika għall-iSmall Island Games u anke inkun f’forma tajba li nikkontendi għall-post fuq il-podju. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Il-messaġġ tiegħi huwa għal dawk li forsi jixtiequ jibdew imma jaqtgħu qalbom għax forsi jaħsbu li issa tard wisq għalihom. Jien bdejt nitħarreġ fl-atletika meta kelli ‘l fuq minn 30 sena u nħossni li għad għandi potenzjal inkompli nżid fit-taħriġ biex intejjeb il-ħinijiet. Ifisser, taqtgħux qalbkom u agħmlu l-ewwel pass!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport