Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-futbol, minn dejjem kien wieħed mill-aktar sports għal qalbi fejn fl-era tas-snin 80 u 90 kien wieħed partikolari minħabba diversi stilel tal-passat li kienu jagħtu spettaklu fil-grawnd. Bħala persuna li trabbejt ġewwa l-Furjana kienet xi ħaġa fid-demm li nħobbu l-futbol u nkunu passjonati, apparti li membri mill-familja tiegħi kienu jilagħbu wkoll ma’ Floriana FC.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala kowċ ta’ Msida SJ FC.
Bħala kowċ ma’ tim tal-kbar din se tkun it-tieni esperjenza tiegħi. Dan l-istaġun mal-Msida SJ FC qed inħares lejh bħala pass ieħor ‘il quddiem fil-karriera tieghi fil-kamp tal-kowċing u qed inħares lejn din l-esperjenza b’ottimiżmu kbir u lest għal kull sfida li l-istaġun jista’ jġib miegħu. B’determinazzjoni, dedikazzjoni u b’xogħol kontinwu li huma fatturi importanti li nottjeni lest biex ngħin lil Msida SJ FC jerġgħu ikunu fejn tassew jixirqilhom.
Iddeskrivi l-esperjenzi passati tiegħek fil-kowċing.
Ilni fil-kowċing sa mil-2007 fejn bdejt din il-karriera għax dejjem kienet ix-xewqa u l-imħabba tieghi biex ngħaddi t-tagħlim, id-dixxiplina, il-motivazzjoni, id-dedikazzjoni u l-għajnuna tiegħi lil ħaddiehor. Bdejt mat-timijiet ta’ etajiet żgħar u bqajt tiela’ fejn kienu esperjenzi sbieħ. Minn hemm komplejt tiela’ tarġa wara tarġa, nikseb l-esperjenza, inġib l-għarfien minn kowċis oħra u billi komplejt nattendi l-korsijiet tal-MFA fejn wasalt biex inġib il-Liċenzja UEFA A. Kont Head Coach ukoll f’żewġ nurseries fejn eventwalment ħassejt li kien wasal iż-żmien li nemmen fija nnifsi u l-kapaċitá tiegħi u nipprova nieħu tim tal-kbar sabiex inġib aktar esperjenza u nilħaq waħda mix-xewqat li kelli.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Dwar il-futbol Malti hemm ħafna xi jsir biex wieħed jilħaq il-livell li jixtieq u jippretendi fiż-żminijiet li qegħdin fihom. Nemmen li l-MFA qed taħdem u ħadmet qatigħ sabiex isiru ċerti tibdiliet u investiment lejn il-futbol imma għad jonqos ħafna aktar xi jsir. Jien wieħed li nemmen fit-talent Malti kemm tal-kowċis kif ukoll tal-plejers żgħażagħ li hemm bżonn li nemmnu aktar fihom u nagħtuhom aktar għajnuna u għarfien sabiex itejbu l-livell tagħhom.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Rigward grawnds fejn nitħarrgu ma jistax ikollok timijiet li m’għandhomx grawnd tagħhom jew għallinqas faċilitajiet tajba fejn jużaw li huma ta’ ċertu livell. Kif tista’ tgħolli l-livell?! Dejjem idur kollox dwar il-finanzi u l-għajnuniet finanzjarji li dak il-klabb partikolari jkollu sabiex ikompli jikber u jżomm il-livell tiegħu wieħed tajjeb. Min-naħa tal-logħob dawn isiru ġeneralment f’erba’ grawnds differenti li uħud minnhom huma tajba u adekwati biex isir il-logħob ta’ dan il-livell.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Min-naha tiegħi l-messaġġ li nixtieq ngħaddi lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol kemm min-naħa ta’kowċing kif ukoll ikomplu bħala plejers hi waħda ta’ pożittivitá, fejn ħadd m’għandu jaqta’ qalbu u li b’ħeġġa, impenn u dedikazzjoni tasal tagħmel kollox u taqbeż kull ostaklu li ssib!