Thursday, July 10, 2025

‘B’determinazzjoni, sagrifiċċju u qalb kbira, kulħadd jasal fejn jixtieq’ – Leon Seisun

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għall-futbol ma bdietx minn ta’ etá żgħira bħal ħafna tfal oħra. Kien proprju ta’ xi 13-il sena, meta konna mmoru l-bandli mal-ħbieb u l-ġirien biex nilagħbu bil-ballun. 

U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

Minn dak iż-żmien li konna nagħmlu logħba bejn il-ħbieb, dejjem kienu jitfgħuni fil-lasta.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Siġġiewi FC.

Mas-Siġġiewi FC għandi bosta esperjenzi peró l-esperjenza preżenti hija pjuttost waħda ġdida peressli l-klabb jinsab għaddej min transizzjoni kemm fl-insfrastruttura, kumitat mibdul kompletament u kowċ b’ideat ferm ġodda.    

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Jien naħseb li l-istaġun li għadda kien wieħed ta’ transizzjoni. Tim ġdid, kowċ ġdid u allura konna qed insibu saqajna. Ir-riżultat aħħari ma kienx dak li xtaqna peró kienet esperjenza fejn tgħallimna ħafna u bqajna viċin it-timijiet ta’ fuq. Issa bejn fortuna u forsi konna sfortunati wkoll ma wasalniex peró dan ma qatalniex qalbna u anzi nemmnu li din is-sena se nkunu aħjar. Kienet sena fejn naħseb li konna magħqudin u dan kien ċar għax meta l-klabb iffaċċja problemi interni dan mhux talli qatagħlna qalbna peró iktar ingħaqadna flimkien sabiex inkunu is-soluzzjoni flok il-problema.

Stajna faċilment forsi armejna x-xugaman peró irsistejna biex naraw kif se ntaffu l-problema bħala grupp magħqud. Fir-rigward ta’ futbol konna wkoll qed naħdmu fuq ċerti tattiċi moderni fejn il-kowċ jesiġi ċerti rotazzjonijiet anke fil-mod ta’ kif jiena bħala goalkeeper irrid ninterpreta l-logħba.

Insomma, kollox ma’ kollox naħseb li għalija personali kienet sena fejn tgħallimt ħafna u żgur li se nkun aħjar fl-istaġun li ġej. Il-logħba qed tinbidel u huwa tajjeb li nkunu kapaċi ninterpretaw stili ta’ logħob differenti.

Ovvjament, dan irid iż-żmien tiegħu. Rajna l-introduzzjoni wkoll ta’ plejers żgħażagħ tal-klabb li naħseb din ukoll kienet xi ħaġa pżzittiva ħafna li l-klabb żgur tagħmillu unur u aħna bħala ‘senior players’ għandna rwol importanti fit-trawwim ta’ dawn iż-żgħażagħ.

U fuq il-kowċ, Simon Agius?

Fuq il-kowċ Simon Agius m’għandix l-ebda kliem ħlief ta’ tifhir. Mhux biss huwa kowċ tajjeb, peró fih tista’ ssib spalla ta’ ħabib. Ħaġa tajba li għenitni dan l-istagun fejn jidħol il-kowċ Simon hija li huwa wkoll kien jilgħab bħala goalkeeper, u b’hekk seta’ jifhimni u jagħtini pariri tajbin. 

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tal-futbol f’Malta, naqra naqra dejjem qed jitla’ ‘l fuq speċjalment bl-introduzzjoni tal-plejers barranin. Ovvjament dil-biċċa trid tibda minn nurseries u tfal ta’ etá żgħira.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Rigward ir-riżorsi tal-grawnds, jidher li l-affarijiet qed imorru għall-aħjar fejn speċjalment qed naraw turfs ġodda fejn nilagħbu l-logħob kompetittiv tagħna. Fadal ħafna iktar xogħol isir f’dawk fejn isir it-taħriġ tagħna l-plejers. Ovvjament din mhix xi ħaġa faċli li ssir kif ġieb u laħaq iktar u iktar minħabba l-ammont ta’ logħb li jsiru ta’ kull tmiem il-ġimgħa.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Nixtieq li nieħu promozzjoni jew champions mas-Siġġiewi FC fejn magħhom ilni sitt snin. Tkun xi ħaġa sabiħa kemm għalija u anke għat-tim. L-ewwel logħba tal-istaġun 25/26 ħa tkun il-mitt logħba tiegħi fil-livell tal-kbar fosthom debutt li kelli fil-UEFA Regions Cup ġewwa l-Kroazja, grazzi għall-kowċ, Alfred Attard. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Hawn Malta mhux faċli tagħmel karriera fil-futbol, peró b’determinazzjoni, sagrifiċċju u qalb kbira, kulħadd jasal fejn jixtieq!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport