Sunday, April 5, 2026

Bdew gwerra li qed iħallsu l-prezz tagħha l-popli madwar id-dinja

Aqra wkoll

Għaddew 35 jum mill-gwerra mibnija mill-Istati Uniti u mill-Gvern ta’ Netanyahu fuq Iżrael. Gwerra li r-raġunijiet għaliex verament  inbdiet ħadd ma jafhom. Li hu żgur hu ħaġa waħda, li dak li beda Trump u Netanyahu, qegħdin iħallsu għalih iċ-ċittadini madwar id-dinja. Kienu attakki li żvolġew f’kunflitt, għax l-Iran irritalja kif mistenni, u dan wassal biex ġew affettwati l-ekonomiji madwar id-dinja. Dan għax ġie affettwat il-kummerċ b’mod partikolari dak taż-żejt, il-gass u l-pestiċidi fost oħrajn. Kunflitt mibdi mill-Istati Uniti u minn Iżrael, qegħdin jispiċċaw ibatu l-konsegwenzi tiegħu popli oħra madwar id-dinja.  Illum huma iċ-ċittadini madwar id-dinja li qegħdin jispiċċaw idaħħlu idejhom fil-but u joħorġu aktar flus għall-fjuwil. Fi żmien qasir se jkunu qegħdin joħorġu aktar minn buthom għall-ikel u prodotti oħra jekk il-kunflitt ikompli jitwal.

Kunflitt li l-istess Trump kien qalilna li se jdum erbat ijiem issa diġa qabeż xahar. Apparti dan, qiegħed joħroġ ħafna aktar biċ-ċar li m’hemm ebda direzzjoni minn naħa tal-Istati Uniti dwar dan il-kunflitt.  Sa issa qegħdin nisimgħu biss dikjarazzjonijiet konfliġġenti u li jinbidlu skont iż-żmien. L-ewwel qalulna erbat ijiem, imbagħad se jdum ġimgħatejn u issa qegħdin jgħidulna li fil-qrib li jintemm.

Ftit jiem ilu Trump indirizza lill-poplu fl-Istati Uniti. Indirizza li sar għax il-poplu fl-Istati Uniti qiegħed iħoss li m’hemmx direzzjoni. F’dan l-indirizz, għalkemm wieħed stenna din id-direzzjoni, din baqgħet ma waslitx. 

Trump tkellem dwar dak li hu ddeskriva bħala  rebħiet “deċiżivi u kbar” fl-Iran fuq skala li rarament tidher. Iżda huwa indika li l-objettivi militari ewlenin kienu għadhom “qrib it-tlestija” u li aktar attakki jistgħu jikkawżaw ħsara kbira fuq miri fl-Iran.

Waqt li l-poplu fl-Istati Uniti qiegħed iħoss l-effett taż-żieda fil-prezz tal-fjuwil, ir-rimarki ta’ Trump kellhom l-għan li jagħtu assigurazzjoni lill-pubbliku Amerikan. Fl-indirizz tiegħu Trump issuġġerixxa wkoll li l-Istati Uniti tħalli l-imblokk tal-Istrett ta’ Hormuz biex jiġi kontrollat minn pajjiżi oħra, fejn semma liċ-Ċina, Franza, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel, li jiddependu fuq il-passaġġ strateġiku. 

Dan il-kunflitt qiegħed juri ħaġa waħda, li l-Istati Uniti tilfet il-kredibilità kollha li seta’ kellha għas-sigurtà globali.  Għal ħafna snin kien hemm dipendenza wiesgħa fuq l-Istati Uniti għas-sigurtà globali, imma dak li  qiegħed jiġri fl-Iran, wassal biex issa diversi pajjiżi jibdew  jaħsbu lil hinn mill-fruntieri tagħhom stess fir-rigward tas-sigurtà.

Jiġri x’jiġri f’dan il-kunflitt, hu fatt li fiż-żmien li ġej ħafna pajjiżi oħra probabbilment se jonfqu aktar fuq is-sigurtà. Xi wħud, partikolarment fl-Ewropa u fin-NATO, esprimew dubji dwar id-dipendenza fuq l-Istati Uniti. Fost il-pajjiżi tal-Golf, partikolarment l-Għarabja Sawdija, l-Emirati u l-Qatar, llum hemm dubji kbar dwar id-dipendenza tagħhom fuq l-Istati Uniti għas-sigurtà. Il-frustrazzjoni ġejja minn protezzjoni inadegwata perċepita kontra attakki Iranjani.

Fl-indirizz lin-nazzjon minn Trump kien mistenni ħafna aktar. Il-poplu Amerikan u popli madwar id-dinja li qed iġorru l-piż ta’ gwerra li bdiet l-Istati Uniti li r-raġuni tagħha vera għadna ma nafuhiex, stennew direzzjoni f’diskorsu. Imma Trump ma qalilniex eżattament x’inhuma l-għanijiet tiegħu.

Anzi wara li spiċċajna bl-Istrett ta’ Hormuz magħluq u dan qed jaffettwa provvisti u prezzijiet, Trump joħroġ jiddikjara li l-Istati Uniti għandha ftit interess dwar jekk l-Istrett huwiex miftuħ jew le għax l-Istati Uniti huma bejn wieħed u ieħor awtosuffiċjenti fiż-żejt.

Ovvjament dikjarazzjoni żbaljata ta’ Trump. Qegħdin ngħidu dan għax hu żball ta’ Trump li jgħid li ż-żejt li jgħaddi mill-Istrett ta’ Hormuz mhux rilevanti għall-Istati Uniti u dan għax il-prezz taż-żejt hu stabbilit abbażi tal-provvisti dinjija. Dan ifisser li l-ebda nazzjon mhu gżira fejn jidħol iż-żejt. Ċaqlieqa waħda negattiva f’post, tgħolli l-prezz taż-żejt għad-dinja kollha.

Għamlet sew l-Unjoni Ewropea u l-pajjizi Ewropej li ma ddeffsux f’dan il-kunflitt.  Din hi gwerra li  għaliex inbdiet u għaliex qiegħda ssir ħadd ma jaf, għajr Trump u Netanyahu innifishom.  Il-mistoqsija li qiegħda ssir dwar dan il-kunflitt hi waħda:  meta se nitgħallmu l-gwerrer u l-kunflitti ma jsolvu xejn imma joħolqu vittmi innoċenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport