Friday, November 15, 2024

Bdew it-tiswijiet fuq l-interconnecor li jgħaqqad lil Malta mal-Italja 

Aqra wkoll

Enemalta flimkien mal-kumpanija Nexans bdiet it-tiswijiet fuq l-interconnector li jgħaqqad lil Malta mal-Italja li ġarrab ħsarat b’ankra ta’ vapur aktar kmieni din is-sena. 

Jekk it-temp jippermeti, it-tiswijiet fuq il-parti tal-cable li ġarrbet il-ħsara mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. 

F’Marzu li għadda, parti minn dan il-cable ta’ 98km li jissupplixxi 20% tal-elettriku f’Malta, ġarrbet ħsara minn ankra tat-tanker Chem P, qrib Qalet Marku. L-ankra u l-katina tiegħu ttellgħu minn qiegħ il-baħar f’operazzjoni delikata li saret ix-xahar li għadda. 

Wara li saru spezzjonijiet mill-bugħaddasa tal-ħsara li hemm fl-interconnector, l-Enemalta flimkien mal-kumpanija Nexans identifikaw medda ta’ 1.2 kilometru tal-cable tal-interconnector li hemm bżonn jinbidlu. 

Din il-ġimgħa saret ħidma f’Dellimara fejn l-ispare cable li kien miżmum għal dan it-tip t’emerġenzi, inħareġ mill-imħażen tal-Enemalta u permezz ta’ mradd apposta tgħabba fuq il-vapur speċjalizzat għal dax-xogħol, in-Nexans CLV Aurora. F’din l-operazzjoni li kienet tikkonsisti wkoll f’testijiet fuq il-cable, assista t-tim tekniku tal-International Energy Service Centre Ltd, li hija kumpanija sussidjarja tal-Enemalta plc li tieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-power station. 

L-interconnector li jgħaqqad lil Malta mal-grid tal-elettriku Ewropej intefa’sakemm isiru t-tiswijiet mihtieġa. Il-provvista tal-elettriku sadanittant ser tkun qegħda tingħata mis-sorsi lokali tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, fosthom l-impjanti t’emerġenza tal-Enemalta f’Delimara. 

L-inġiniera tal-Enemalta ngħaqdu mal-ekwipaġġ tan-Nexans biex isegwu t-tiswijiet u jassiguraw li dawn isiru b’mod sigur u ta’ livell għoli. 

Ritratt: Roger Azzopardi

Din hija t-tieni darba fl-aħħar tliet snin, l-interconnector kellu jiġi imsewwi wara li ġarrab ħsarat b’ankra ta’ vapur. 

Għal aktar informazzjoni dwar l-Enemata u s-servizzi tagħha żur is-sit www.enemalta.com jew segwu l-paġna ta’ Facebook u Instagram tal-kumpanija. 

Ekonomija

Sport