Saturday, December 20, 2025

BDEW JIĠU IMPLIMENTATI L-MIŻURI TAL-BUDGET

Aqra wkoll

Qabel aġġorna għall-btajjel tal-Milied, nhar it-Tlieta li għadda l-Parlament approva l-Estimi Finanzjarji għas-sena d-dieħla, li fissru Budget b’nefqa li tlaħħaq kważi €9.3 miljun, bl-akbar allokazzjoni tkun fil-qasam soċjali. B’hekk, dan kien Budget ieħor li Gvern Laburista li jpoġġi liċ-ċittadini, partikularment lill-familji fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.

Dan kollu fl-isfond ta’ ekonomija b’saħħitha u reżiljenti li tiggarantixxi futur għalina u għal dawk li se jiġu warajna. Dan il-Budget ġie approvat grazzi għall-vot favur tal-Membri Parlamentari tal-Gvern. Li kien għall-Oppożizzjoni Nazzjonalista, il-miżuri soċjali kollha mħabbra fil-Budget kienu jisfumaw fix-xejn għax għażlet li tivvota kontrih.

Dan il-Budget jista’ jitqies bħala pjan ċar tal-viżjoni tal-gvern li jrid jibqa’ jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies permezz ta’ miżuri ċari, adegwi u mmirati. U biex jilħaq dan l-għan, il-Gvern ma qagħadx jistenna li jiġi Jannar 2026 biex jibda jferrex il-ġid li joħroġ minn dan il-Budget.

Tant hu hekk, li fi tmiem din il-ġimgħa, madwar 97,000 familja bit-tfal, koppji u persuni waħedhom, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali beda jħallas l-ewwel minn żewġ pagamenti tal-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja għas-sena 2026. Din il-miżura se tfisser €26.5 miljun oħra fil-bwiet tan-nies. 

Huwa stmat li bit-tieni pagament f’Ġunju li ġej u b’xi benefiċċji ġodda li se jiżdiedu, il-ħlasijiet totali mistennija jilħqu aktar minn €54 miljun fuq sena sħiħa.

Fost miżuri oħra li se naraw il-frott tagħhom fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin hemm it-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri, iż-żieda fil-pensjonijiet u ċ-children’s allowance, żieda fl-istipendji, għajnuniet għal dawk l-aktar vulnerabbli fostna, inklużi persuni b’diżabilità, kif ukoll żieda fis-sostenn lin-negozji u l-allokazzjoni ta’ €100 miljun għall-qalba diġitali u adozzjoni tal-AI għal kulħadd.

Dan kollu jirrifletti l-għaqal tal-politika ekonomika u fiskali li mexxa u għadu jmexxi dan il-Gvern għal pajjiżna. Ekonomija li ma taħsibx għal-lum biss imma wkoll għal għada u pitgħada.

Hija prova ċara oħra li llum l-ekonomija qiegħda hemm għan-nies u mhux in-nies għall-ekonomija. B’hekk qed naraw ukoll li l-ġid li joħloq pajjiżna qed jitqassam skont il-ħtiġijiet tas-soċjetà b’mod partikolari ta’ dawk li jinħtieġu l-aktar. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport