Friday, November 28, 2025

BDEW JIRRANKAW IL-JIEM FESTIVI TAL-MILIED

Aqra wkoll

Fil-Belt Valletta diġà bdiet tinħass l-atmosfera tal-Milied. Minbarra t-tiżjin u d-dwal fit-toroq ewlenin tal-kapitali nkluż is-siġra tal-Milied ġganteska li tpoġġiet quddiem il-Parlament, fil-jiem li ġejjin mistennija li jiżdiedu ativittajiet oħra, fosthom l-inizjattiva Rigal bi Mħabba, b’rigali taħt is-siġra biex jingħataw lil tfal inqas ixxurtjati f’dawn il-jiem ta’ festi. Din tal-aħħar saret inizjattiva importanti annwali li sservi biex f’dan il-Milied, kull tifel u tifla jirċievu rigal. 

F’dan l-ambitu wkoll insemmu l-ikla tal-Milied li tiġi organizzata minn Caritas Malta fejn jiġu mistiedna dawk il-persuni li jinsabu waħedhom jew m’għandhomx il‑mezzi biex għal sena oħra jqattgħu Milied b’dinjità u jiġu jieklu flimkien fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana. 

Huwa stmat li għal din is-sena se jattendu mas-600 persuna għal din l-ikla. Dan filwaqt li se jitqassmu wkoll madwar 500 ikla fid-djar ta’ dawk li ma jistgħux joħorġu. Għalhekk din is‑sena b’kollox se jisservew ’il fuq minn 1,000 ikla. 

Il-fatt li dawn il-persuni jaċċettaw l-istedina tal-Caritas hija minnha nnfisha pass ieħor biex jegħlbu l-weġgħa li ġġib magħha l-pjaga tas-solitudni, minbarra li jsiru jkollhom għarfien akbar dwar il-gruppi ta’ sapport li jiġu offruti minnha matul is-sena kollha. Fil-kuntest ta’ dan kollu nemmnu wkoll li huwa importanti li nieħdu ħsieb lil xulxin dejjem, b’mod partikolari f’dan iż-żmien. 

Għalhekk, ta’ min ifaħħar il-ħidma ta’ dawn l-entitajiet li flimkien ma’ oħrajn dejjem ikunu ta’ sostenn għas-soċjetà Maltija. Għaldaqstant nemmnu li l-Milied jista’ jkun opportunità biex int tagħżel li tfittex appoġġ. Jista’ jkun żmien ta’ fejqan, żmien biex titkellem u tħossok ‘konness’ minflok ‘iżolat’.

Iżda fuq kollox, l-ikbar attività f’dawn il-festi tibqa’ bħal snin oħra, il-maratona ġbir ta’ fondi “L-Istrina”, li ssir l-għada tal-Milied, fejn tispikka l-ġenerożità mill-poplu Malti u Għawdxi li jagħti minn dak li jista’ b’risq il-Malta Community Chest Fund. Maratona li dejjem baqgħet tikber minn sena għal oħra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport