Friday, December 20, 2024

“B’din l-interpretazzjoni Quiven għamel qabża fil-livell bħala mużiċista solista”

Is-Surmast tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp dwar l-għażla mużikali biex jadatta għal tifel nieqes mid-dawl

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem Malta laqgħet fi ħdanha numru kbir ta’ atleta barranin li flimkien ma’ dawk Maltin ħadu sehem fi Special Olympics Invitational Games. Il-Ministru għall-inklużjoni, organizzazzjonijiet volontarji u drittijiet tal-konsumatur Julia Farrugia Portelli ddeskriviet dawn il-logħob bħala pass kbir ’il quddiem fejn tidħol l-inklużjoni u appellat biex aktar soċjetajiet jagħrfu jagħmlu dan il-pass.

It-Tlieta li għadda, l-Għaqda Mużikali San Ġużepp Ħal Għaxaq kompliet tikkonferma kemm hi minn dejjem emmnet bis-sħiħ li l-każini tal-baned għandhom irwol ewlieni fil-qalba tal-komunitajiet tal-ibliet u l-irħula fil-gżejjer tagħna u li fiha kulħadd għandu jkollu post biex jesprimi t-talenti tiegħu. L-Għaqda rringrazzja u awgurat iktar suċċessi fil-futur liċ-ċkejken Quiven Ellul wara ngħaqad għall-ewwel darba mal-Banda San Ġużepp bl-interpretazzjoni tal-kanzunetta ‘Perfect’.

Dan is-sit tkellem mas-Surmast tal-Banda Mro.Reno Busuttil biex jispjegalna iżjed dwar kif seta’ jittella’ dan il-programm vokali u strumentali tal-banda u ċ-ċkejken li pparteċipa bħala mużiċista solista.

“Quiven kulħadd jaf li huwa tifel nieqes mid-dawl. Dak li seħħ it-Tlieta kienet xi ħaġa li qatt m’għamilnieha. Qatt ma kelli tifel ta’ età daqshekk żgħira u anke minħabba l-kundizzjoni tiegħu ovjament ir-riżultat kien jikkonferma ġimgħat ta’ preparazzjoni kif kellhom ikunu. Quiven ħareġ tajjeb ħafna u pperfezzjona t-talent mużikali tiegħu”, qalilna Mro. Busuttil.

Tkellimna mas-Surmast rigward il-preparamenti neċessarji biex issir din il-kollaborazzjoni. Wara li l-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq esprima x-xewqa tal-parteċipazzjoni tat-tifel, anke minħabba l-fatt li huwa Għaxqi u partitarju Ġużeppin ukoll, Mro.Busuttil ħa l-inkarigu li jikkuntattja lill-għalliem tiegħu. Ikkuntattja lill-għalliem Norbert Camilleri u saru l-arranġamenti biex iltaqgħu u għażlu l-kanzunetta adattata għalih. 

Mro.Busuttil kompla biex jgħidilna li t-tifel attenda għall-provi kollha u mhux biss kien jipparteċipa fil-ħin tiegħu, iżda kien jibqa’ jsegwi l-bqija tal-proċess tal-banda u din ċertament għenitu biex itejjeb it-talenti tiegħu bħala solista.

“Wiċċu kien jixgħel u kien jurik li kien qiegħed jieħu pjaċir. Ilbieraħ kienet il-ġurnata tiegħu, kien xi ftit eċitat, iżda min-naħa tiegħi li nista’ ngħid li kien tajjeb ħafna. Għamel qabża minn daqq ta’ kanzunetti fuq filmati fuq il-midja għal attività diretta bħalma kienet dik li tellajna aħna”.

Staqsejna lis-Surmast tal-banda dwar ilmenti li waslulna bħala ġurnal rigward talbiet ogħla minn dawk li kienu mdorrijin bihom qabel il-pandemija. Huwa qalilna li għalkemm s’issa hu personalment mhux konxju ta’ dawn iż-żidiet minħabba li l-banda li kien qiegħed imexxi kien hemm ftehim anke minħabba l-fond allokat mis-soċjetà. Minkejja dan huwa nnota li fi żmien il-pandemija kellek bandisti li f’perjodu ta’ waqfien minn dawn l-attivitajiet sabuhom tajjeb igawdu lill-familja u forsi ntebħu li minħabba n-namra tagħhom għad-daqq ta’ strumenti mużikali kienu qegħdin jonqsu lill-għeżież tagħhom. Bħala ħlas huwa qalilna li dawn in-nies fil-verità joffru servizz ta’ kwalità li meta tqis il-provi li jattendu għalihom u l-ġurnata tal-festa li jikkontribwixxu fiha huwa pjuttost riflessjoin ta’ delizzju aktar milli qligħ. 

Rigward xi bandisti li jista’ jkun li qegħdin jabbużaw, Mro.Busuttil qal li dawn se jispiċċaw biex ikissru lil ċertu baned li ma jifilħux iħallsu. “Veru mhux komda biex issib il-bandisti, b’mod speċjali ċertu sezzjonijiet li jdoqqu mal-big bands u għalihom mhux worthed li jdoqqu mal-baned u għalhekk jispiċċaw jitolbu ħlas ogħla minflok jirrifjutaw l-offerta”, tenna jgħidilna s-Surmast filwaqt li appella lin-nies involuti f’dan is-settur jilħqu aktar kompromess biex il-festi f’pajjiżna jkunu jistgħu jibqgħu jiġu ċċelebrati u mgawdija minn kulħadd.

Ekonomija

Sport