Ħamrun SC bdew l-avventura tagħhom fil-Euro Winners Cup 2025 b’telfa ta’ 7-3 kontra l-Ġermaniżi ta’ Bavaria Beach Bazis.
It-tim Ġermaniż, li huma ċ-champions preżenti tal-Beach Soccer f’pajjiżhom ħarġu aggressivi mal-ewwel u skorjaw wara ftit sekondi permezz ta’ Rigo. L-istess plejer għamilhom 2-0 fil-ħames minuta għalkemm sekondi wara Nezar Abouaisha naqqas il-marġni tal-iskor għal Ħamrun. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Vasilets reġa’ stabilixxa vantaġġ ta’ żewġ gowls għal Bavaria għal skor ta’ 3-1.
Fit-tieni taqsima, il-Ġermaniżi baqgħu jiddominaw u kien Rutterschmidt u Radosta li skorjaw żewġ gowls konsekuttivi qabel ma’ Juanito reġa’ naqqas il-marġni tal-iskor għal Ħamrun.
Fl-aħħar perjodu l-pjan tal-logħba ftit inbidell hekk kif Ruttershmidt għaqqad doppjetta personali b’Ħamrun li skorjaw it-tielet gowl grazzi għal awtogowl ta’ Fusi. Finalment Ruhl issiġġilla r-rebħa finali għal Bavaria Beach Bazis.
Referees kienu Francesco Longo Moreno, Alicia Galan Cayado u Francisco Costa.
Ħamrun jilagħbu t-tieni logħba tagħhom għada kontra Copenhagen fl-10 ta’ filgħodu ħin ta’ Malta. L-Euro Winners Cup 2025 qed tintlagaħab f’Nazare, il-Portugall.