Swieqi United jinsabu fl-ewwel post tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Beach Soccer femminili wara li kisbu punti massimi mill-ewwel żewġ konfronti li lagħbu.
Fil-fatt huma għelbu lil Parr Mela 8-1 f’logħba li huma ddominaw. Oriana Bedingfield skorjat tripletta filwaqt li Therese Briffa kienet awtriċi ta’ doppjetta. Vanessa Carneiro, Michela Felice u Krista Montfort żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Parr Mela naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Edna Vargas.
Fit-tieni konfront tagħhom, Swieqi għelbu lil St George’s 9-3. Dawn tal-aħħar kienu qed jagħmlu d-debutt tagħhom u għalkemm marru fil-vantaġġ, sabu lill-avversarji lesti sabiex jaqilbu l-iskor favurihom.
Vanessa Carneiro kienet il-protagonista għal Swieqi meta skorjat erba’ gowls filwaqt li Krista Montfort kellha doppjetta f’isimha. Mari Oliveira, Oriana Bedingfield u Valentina Cabrales żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Shakira Bugeja, Audrey Chetcuti u Kirsty Paris skorjaw it-tliet gowls ta’ St George’s.
Lija Athletic kellhom rebħa u telfa fl-ewwel żewġ konfronti tagħhom. Fl-ewwel impenn tagħhom huma għelbu lil Zero Sei 7-6 f’logħba mimlija gowls.
Jasmine Vella Turner skorjat tliet gowls u Ylenia Azzopardi kellha doppjetta f’isimha għal Lija. Nell Zarb Cousin u Melissa Galea żiedu aktar gowls.
Zero Sei kellhom lil Patricia Araujo li skorjat tliet gowls filwaqt li Rocio Robles sabet ix-xibka darbtejn. Eliza Czik kompliet tnaqqas il-marġni tal-iskor.
Minkejja kollox, Lija tilfu t-tieni logħba tagħhom kontra Parr Mela 8-7.
Edna Vargas kienet protagonista għal Parr Mela meta skorjat ħames gowls b’Isabella Otero, Oumayma Jellili u Carol Salazar li jkunu l-iskorers tagħhom.
Lija kellhom lil Sarah Micallef b’erba’ gowls, Yasmin Vella Turner żewġ gowls u gowl ieħor ta’ Ylenia Azzopardi.
KLASSIFIKA – KAMPJONAT TAL-BEACH SOCCER TAN-NISA
Swieqi 6, Parr Mela, Lija Athletic 3, Zero Sei, St George’s 0