L-aġenzija Identità għaddejja bil-proċess sabiex iġġedded 160,000 karta tal-identità ta’ ċittadini Maltin li kienu ħarġu għaxar snin ilu u li ser ikunu qegħdin jiskadu bejn din is-sena u s-sena d-dieħla. Fl-aħħar xahrejn kien hemm aktar minn 9,000 persuna li ġeddew il-karta tal-identità tagħhom. Matul is-sena u nofs li jmiss ser jiskadu aktar minn 160,000 karta tal-identità oħra li jridu jiġġeddu b’oħrajn ġodda.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol intqal li karta ta’ identità għandha validità ta’ għaxar snin u kull ċittadin huwa obbligat jara li jekk il-karta tal-identità skadiet, jew waslet biex tiskadi, japplika biex iġġedidha fit-taqsima tal-karta tal-identità f’Gattard House, il-Blata l-Bajda.
Waqt żjara lit-taqsima, il-Ministru Byron Camilleri segwa l-proċess tat-tiġdid tal-karti tal-identità, b’kull waħda minnhom ikollha anke d-dettalji biometriċi tal-individwu.
Il-Ministru Camilleri qal li “għal kuntrarju ta’ dak li ġara qabel l-2013, meta l-Maltin u l-Għawdxin kollha kellhom karta tal-identità skaduta, l-aġenzija Identità llum il-ġurnata qed tagħti prijorità assoluta għat-tiġdid effiċjenti u effikaċi tal-karti tal-identità.” Dan qed isir għaliex l-aġenzija investiet sew fl-għodda biex taħdem u anke fir-riżors uman.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità, Steve Agius qal li l-aġenzija qed testendi l-ħinijiet tagħha sabiex il-pubbliku jinqeda aħjar fid-dawl taż-żieda fit-talbiet għas-servizzi mogħtija minn Identità. Spjega li dawk li għalqitilhom il-karta tal-identità, jew waslet biex tiskadi, jistgħu jmorru fl-uffiċini tal-aġenzija, il-Blata l-Bajda, jew jagħmlu appuntament għat-tiġdid mis-sit elettroniku tal-aġenzija Identità: https://eidbooking.identita.gov.mt/v2/
Il-karta tal-identità kienet saret obbligatorja bil-liġi 49 sena ilu għal dawk li jagħlqu 18-il sena u llum il-ġurnata dan l-obbligu niżel għal 16-il sena. Il-karti tal-identità ġodda għandhom għadd ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà b’saħħithom biex l-identità tal-persuna titħares u tagħmilha aktar diffiċli biex tiġi manipulata.