Wednesday, June 18, 2025

Beda skavar f’dar Kattolika għall-ommijiet biex isibu l-fdalijiet ta’ 796 trabi u tfal fl-Irlanda

…tfal li ġew miċħuda d-dinjita f’ħajithom u f’mewthom

Aqra wkoll

L-iskandlu fl-Irlanda li kien ixxokkja lin-nazzjon u li kien jinvolvi l-mnewt ta’ 796 tarbija li mietu f’dar Kattolika li toffri protezzjoni lil ommijiet tqal, wassal biex proprju fl-aħħar jiem beda tħaffir fil-post biex jinstabu dawn it-tfal mejtin. L-iskavar qed isir f’din id-dar li tinsab f’Tuam u dan hu meqjus bħala kruċjali biex jibda jintefa’ dawl għad-difna suspettata ta’ 796 tifel u tifla f’oqbra mhux immarkati mingħajr rekords. L-iskavar hu mistenni li jieħu xhur u se jinvolvi tfittxija forensika dettaljata f’żona ta’ 5,000 metru kwadru. Dan l-iskavar qed isir wara għaxar snin ta’ stennija u dewmien minħabba inkjesti mill-Istat Irlandiż.

Ta’ min jgħid li kienet l-istorika Catherine Corless li skopriet li kien hemm 796 ċertifikat tal-mewt iżda l-ebda rekord tad-dfin għat-tfal li mietu fl-istituzzjoni. Hi ddikjarat fl-aħħar jiem li “meta bdejt, ħadd ma ried jisma”. L-investigazzjoni tagħha skopriet 798 ċertifikat tal-mewt għal tfal assoċjati mad-dar iżda l-ebda rekord tad-dfin, u dan qajmet suspetti dwar dfin tal-massa fis-sit.

Id-dar li fiha qiegħed isir l-iskavar kienet immexxija mill-ordni reliġjuża Bon Secours mis-sena 1925 sas-sena 1961. Din id-dar f’Tuam kienet takkomoda ommijiet mhux miżżewġin u wliedhom. Kienet waħda minn ħafna istituzzjonijiet madwar l-Irlanda mmexxija flimkien mill-Knisja Kattolika u l-Istat, fejn in-nisa spiss iffaċċjaw abbużi u kienu mġiegħla jabbandunaw lil uliedhom. In-nisa tqal mhux miżżewġin kienu jintbagħtu fid-Dar ta’ Bon Secours biex iwelldu.

Wara li jitwieldu t-trabi, kienu jittieħdu mingħand ommijiethom u jingħataw lis-sorijiet mingħajr il-kunsens tal-familji tagħhom. Madankollu, l-ommijiet kienu mġiegħla jibqgħu hemm għal sena biex jagħmlu xogħol mhux imħallas.

Kien fis-sena 2017, meta il-Kummissjoni ta’ Investigazzjoni tad-Djar tal-Ommijiet u t-Trabi ħabbret li nstabu “kwantitajiet sinifikanti ta’ fdalijiet umani” fi struttura tad-drenaġġ taħt l-art fis-sit ta’ Tuam waqt ir-riċerka tagħha, wara l-allarm imqajjem mill-istorika Catherine Corless. L-iskoperta kkonfermat is-suspetti ta’ dfin tal-massa u wasslet għal sejħiet għal skavar bir-reqqa u identifikazzjoni tal-fdalijiet.

Anna Corrigan, li ż-żewġ ħutha John u William Dolan, jistgħu jkunu midfuna fis-sit, iddikjaraw li t-tfal ġew miċħudin id-dinjità fil-ħajja u fil-mewt. Jippreferu jaħbu u jagħmluha diffiċli għan-nies biex jaslu għall-verità”.
Qiegħed jiġi rrappurtat li se jittieħdu kampjuni tad-DNA. Kwalunkwe fdal identifikat se jingħata lura lill-membri tal-familja skont ix-xewqat tagħhom, filwaqt li fdalijiet mhux identifikati se jindifnu b’dinjità u rispett.
Kien fis-sena 2021, li l-gvern Irlandiż uffiċjalment skuża ruħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport