Għaddej b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol fuq binja ġewwa Tas-Sliema li se tiġi restawrata u adattata biex isservi bħala Ċentru ta’ Matul il-Jum għal persuni bid-dimensja. Din l-inizjattiva saret possibbli permezz ta’ ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) u l-Arċidjoċesi ta’ Malta, u hija waħda mill-miżuri mniżżla fit-Tieni Strateġija Nazzjonali dwar id-Dimensja mnedija mill-Gvern fl-2024.
L-għan prinċipali ta’ dawn ix-xogħlijiet huwa li jinħoloq ambjent sigur, komdu u simili għal dak tad-dar, fejn anzjani li jgħixu bid-dimensja jkunu jistgħu jattendu għal attivitajiet terapewtiċi u strutturati, immexxija minn caregivers u infermiera mħarrġa apposta biex joffru l-aħjar kura possibbli. Iċ-ċentru l-ġdid se jkun jista’ jilqa’ bejn 15 u 20 persuna kuljum, u se jkun mgħammar b’infrastruttura li tappoġġja l-benesseri, l-indipendenza u l-interazzjoni soċjali tal-persuni li jattendu.
Waqt żjara fuq il-post, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, flimkien mas-Segretarju Permanenti Renzo De Gabriele u l-Kap Eżekuttiv tal-AACC Steve Agius, osservaw il-progress li qed isir fuq il-binja.
“Dan iċ-ċentru se jkun pass ieħor ’il quddiem fil-viżjoni tagħna għall-kura tad-dimensja f’pajjiżna. Hawn se noħolqu ambjent apposta fejn il-persuni li jgħixu b’din il-kundizzjoni jkunu jistgħu jkomplu jgawdu ħajja attiva, b’sapport professjonali u terapiji mfassla għall-bżonnijiet tagħhom. Se jikkumplimenta servizzi bħal dawk offruti fiċ-ċentru fi ħdan San Vinċenz de Paule, biex nassiguraw li kull persuna, irrispettivament mil-livell tad-dimensja, tkun tista’ tibqa’ attiva fil-komunità, u fl-istess waqt noffru mistrieħ daqstant importanti lill-familjari u carers tagħhom,” spjega s-Segretarju Parlamentari Agius Galea.
Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-Gvern qed jinvesti f’soluzzjonijiet konkreti għall-isfidi tal-anzjanità u l-kundizzjoni tad-dimensja, u fl-istess waqt iżomm impenn serju lejn il-preservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-wirt urban Malti.

