Ġewwa l-kapitali Ċiniża Beijing beda l-ittestjar tal-massa għall-Covid-19 fuq kważi 21 miljun resident, dan hekk kif qiegħda tkompli tikber il-possibbiltà li l-kapitali tista’ tispiċċa taħt lockdown strett bħalma ġara ġewwa Shanghai.
Fil-preżent f’Shanghai – li hija l-ikbar belt taċ-Ċina – qegħdin jittieħdu miżuri stretti ħafna bil-għan li tiġi kkontrollata l-mewġa kbira ta’ infezzjonijiet li qegħdin ikunu rreġistrati.
Minħabba l-politika ta’ “żero Covid” din il-belt ilha ġimgħat taħt lockdown strett, u minkejja dan fl-aħħar sigħat kienu rrapportati 52 mewt.
Minħabba li fl-aħħar jiem ġew interċettati xi każijiet f’Beijing, l-awtoritajiet Ċiniżi ħarġu ordni biex residenti ta’ 12-il distrett – li jammontaw kważi għall-popolazzjoni kollha tal-kapitali – jagħmlu tliet rawnds ta’ tesijiet PCR. Chaoyang, li huwa l-iktar distrett popolat ġewwa din il-belt, kien l-ewwel li ordna dawn it-testijiet tal-massa.