Saturday, November 23, 2024

Bejjiegħa tal-monti ta’ Marsaxlokk f’inċertezza

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jilmentaw dwar nuqqas ta’ konsultazzjoni f’deċiżjonijiet li minħabba fihom ma jistgħux ibigħu… jitolbu li l-Gvern jieħu f’idejh is-sitwazzjoni

Diversi bejjiegħa tal-monti, li huma membri tal-General Workers’ Union, qegħdin jilmentaw li s-sitwazzjoni ta’ kif qed jintrema’ l-monti bħalissa qiegħda toħloqilhom inċertezza kbira għall-futur tagħhom, u dan anke minħabba li kollox qiegħed isir mingħajr konsultazzjoni – la magħhom u lanqas mal-unjin li tirrappreżentahom. 

Il-bejjiegħa spjegaw ma’ Inewsmalta li din il-kwistjoni tal-monti ta’ Marsaxlokk ilha għaddejja diversi snin, fejn hemm pressjoni biex il-bejjiegħa jneħħu l-vannijiet minn magħhom. Spjegawlna li s-Sindku ta’ Marsaxlokk, Steven Grech ħareġ bi pjan ta’ kif għandhom jitpoġġew dawn il-bejjiegħa, mingħajr ma kkonsulta mal-bejjiegħa jew inkella mal-unjin. Barra minn hekk qalulna, li meta ħejja l-pjan, dan qabad u bagħtu lill-bejjiegħa permezz ta’ ittra, mingħajr ma informahom minn qabel dwaru. Jidher li dan il-pjan inbidel xi tliet darbiet u kull darba dawn il-bejjiegħa rċevew pjanta ġdida.  


 L-aċċess magħluq b’dgħajjes u allura n-nies li jridu jixtru ma jistgħux jgħaddu

Bejjiegħa li kienu ilhom għal aktar minn 30 sena bil-post fiss tagħhom, issa spiċċaw f’postijiet li jpoġġuhom f’pożizzjoni mill-aktar żvantaġġata biex ibigħu. Oħrajn ilmentaw li tpoġġew f’postijiet fejn jekk jarmaw bil-vann jispiċċaw jagħlqu l-aċċess kollu, għax il-kalkoli tal-ispazju huma żbaljati. Magħhom hemm oħrajn li mhux ikollhom spazju fejn jarmaw minħabba dgħajjes li tħallew hemm mitluqin, filwaqt li oħrajn iridu jżarmaw l-imwejjed u s-siġġijiet ta’ ristorant qabel ikunu jistgħu jarmaw. 


L-imwejjed u s-siġġijiet li jkollu jneħħi bejjiegħ tal-monti qabel ma jibda jarma biex jaħdem

Bejjiegħa oħra ntalbu biex jarmaw iħarsu lejn il-baħar, meta jekk jagħmlu dan, in-nies li jmorru jixtru mingħandhom ikollhom jinżlu jgħumu biex jinqdew. Oħrajn qed ikollhom jarmaw f’postijiet ridotti, jiġifieri jdaħħlu l-vann u t-tilar fi 17-il pied u quddiemhom bilkemm ikun hemm spazju biex jgħaddu tnejn min-nies ħdejn xulxin. 

Il-bejjiegħa lmentaw dwar din is-sitwazzjoni, fejn minkejja li naqsu 72 bejjiegħ li ħadu s-somma, u kull bejjiegħ naqsulu sitt piedi mill-ispazju li kellhom, xorta qed ikun hemm din il-problema. Spjegawlna li b’dan it-tnaqqis ta’ spazju, huma suppost qegħdin ixxamplati u mhux ikollhom problemi minn dawn. Saħqu li biex qed ikun hemm dawn il-problemi, jidher li allegatament qegħdin jingħataw diversi permessi lil bejjiegħa ġodda li eventwalment qegħdin jispiċċaw jieħdu posthom. 

Jidher li dawn il-problemi kollha nqalgħu meta ġie mħabbar li se jsir xi proġett f’Tal-Magħluq u għalhekk tneħħew il-bejjiegħa kollha li kienu qegħdin jarmaw hemmhekk. Għaldaqstant, il-bejjiegħa staqsew jekk sakemm mhux se jibda l-proġett fi żmien qrib jistax kollox imur lura għal kif kien qabel. 

Dawn il-bejjiegħa jemmnu li mas-Sindku ta’ Marsaxlokk ma jistgħu qatt jaslu biex isibu soluzzjoni. Dawn il-bejjiegħa jemmnu li jista’ jkun hemm ukoll allegat kunflitt ta’ interess, jekk l-ispazju jingħata lil bejjiegħa Xlukkajri minflok l-ispazju jkun miftuħ għal kull min għandu l-permess biex ibigħ. Għaldaqstant, il-bejjiegħa jemmnu li s-soluzzjoni għandha tittieħed f’idejn il-Gvern peress li s-Sindku Xlukkajr ma jridx jisma’. 

B’rabta ma’ dawn l-ilmenti, Inewsmalta pprovat tagħmel kuntatt mas-Sindku ta’ Marsaxlokk, Steven Grech u anke mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Josè Herrera. 

Lis-Sindku Grech spjegajnielu li rċevejna diversi lmenti ta’ bejjiegħa membri tal-GWU li qegħdin jgħidu li biddlilhom il-post fejn ilhom jarmaw għal dawn l-aħħar 30 sena u tefagħhom f’post fejn il-passaġġ tant hu dejjaq li n-nies lanqas jistgħu jgħaddu. Semmejnielu wkoll li hu tahom pjanta ta’ fejn kellhom jarmaw u din inbidlet tliet darbiet. Barra hekk, wassalnielu l-għadab ta’ dawn in-nies, li fosthom hemm min qed jispiċċa jarma għalxejn, peress li tpoġġew f’post fejn ma jistgħux jidħlu n-nies. Għednielu wkoll li dawn ilmentaw li meta tkellmu miegħu, hu kien arroganti u qalilhom li ma riedx jisma’ lanqas bl-unjin. 

Il-ħsara li qiegħda ssir lill-vetturi tal-bejjiegħa biex jarmaw skont il-pjan tal-Kunsill Xlukkajr

Barra minn hekk, lis-Sindku għednielu li hemm min qed ikollu jarma’ bil-vann u t-tilar fi 17-il pied, peress li ma jistgħux jaħdmu mingħajr il-vann għax ibigħu prodotti bħal żraben, ikel u prodotti oħra simili. 

Spjegajnielu li l-bejjiegħa jħossu li din il-problema nħolqot minn meta ssemma li se jsir xi proġett f’Tal-Magħluq u li qed jistaqsu jistgħux imorru lura sakemm il-proġett jingħata bidu. 

Għednielu wkoll li suppost m’għandhiex tinħoloq din il-problema, peress li kien hemm ħafna bejjiegħa li ħadu s-somma, filwaqt li l-oħrajn naqsilhom l-ispazju. Finalment, għednielu wkoll li dawn il-bejjiegħa jemmnu li s-soluzzjoni għandha tiġi mill-Gvern għax hu għandu allegat kunflitt ta’ interess u ma jridx jisma u jikkonsulta magħhom. Għednielu wkoll li kien hemm minn fosthom li semgħuh jgħid li jrid jagħmel minn kollox biex ikeċċihom. 

Filwaqt li poġġejnieh f’dan il-kuntest, aħna staqsejna lis-Sindku x’inhuma l-kumment tiegħu f’dan ir-rigward u xi pjani għandu biex isolvi l-kwistjoni. Barra hekk, staqsejnieh jekk jeżistix xi pjan fit-tutl biex dawn il-bejjiegħa jkunu jistgħu jkomplu jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Staqsejnieh ukoll dwar il-proġett Tal-Magħluq u hekk dan hux mistenni jibda fil-qrib. Tlabnieh ukoll biex iweġibna sal-Ġimgħa filgħaxija, iżda sa ma morna għall-istampa ma kellna ebda tweġiba mingħandu. 

Bl-istess mod, informajna wkoll bis-sitwazzjoni lill-Ministru Herrera u staqsejnieh jekk f’dan il-kuntest jistax jgħidilna hemmx xi ħsieb li l-Gvern jieħu din il-kwistjoni f’idejh biex tinstab soluzzjoni. Staqsejnieh ukoll jekk hemmx xi ħsieb fit-tul biex dawn il-bejjiegħa u ħaddiema jkomplu jaqilgħu l-għajxien tagħhom u jekk il-proġett f’Tal-Magħluq hux mistenni jsir fil-qrib ħalli kieku l-bejjiegħa jkunu jistgħu jmorru lura kif kienu qabel. Sakemm morna għall-istampa, konna għadna ma ngħatajniex risposta. 


Ritratti tat-tliet posti differenti li ngħata wieħed mill-bejjiegħa li ilhom jarmaw fil-monti ta’ Marsaxlokk għal 30 sen

Sport