Sunday, November 24, 2024

Bejn l-2014 u l-2023 f’pajjiżna kien hawn 57 persuna li nqatlu

Il-vittmi kienu 38 raġel u 19-il mara

Aqra wkoll

Matul l-għaxar snin taʼ riferenza, kienu rreġistrati 51 omiċidju volontarju mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.

B’kollox, 57 persuna sfaw vittmi ta’ dawn il-ġrajjiet. Żewġ terzi tal-vittmi kienu rġiel 66.7%, filwaqt li terz kienu nisa. Matul dan il-perjodu, is-snin li raw l-inqas għadd ta’ omiċidji kienu l-2021 u l-2023 b’żewġ omiċidji jseħħu fʼkull waħda minn dawn is-sentejn. B’kuntrast, is-sena li rat l-ogħla inċidenza annwali ta’ omiċidji kienet l-2017 b’disaʼ okkorrenzi matul dik is-sena.

Din l-informazzjoni ngħatat f’rapport li ħareġ l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fejn qal li huwa importanti li jkun magħruf li t-tagħrif dwar il-vittmi huwa msejjes fuq id-data tal-mewt jew tas-sejba u t-termini ‘omiċidju’ u ‘omiċidju volontarju’ jintużaw b’mod ugwali biex ifissru l-istess.

L-għadd medju annwali ta’ omiċidji jvarja meta din il-medda ta’ 10 snin tiġi maqsuma f’żewġ perjodi ewlenin: 2014-2018 u 2019-2023. Bejn l-2014 u l-2018, l-għadd medju annwali ta’ omiċidji kien ta’ sitta, filwaqt li matul il-perjodu 2019-2023 l-għadd medju ta’ omiċidji kien ta’ erbgħa fis-sena.

Kważi nofs il-vittmi kellhom bejn il-25 u l-44 sena 49.1%, filwaqt li 19.3% kellhom bejn il-45 u d-59 sena. Madwar wieħed minn kull ħames vittmi kellhom ’il fuq minn 59 sena. Ħamsa mis-57 vittma, jew 8.8%, kienu taħt l-età tal-25 sena.

L-NSO jgħid li kważi 30 % tal-vittmi nqatlu fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port 29.8%, filwaqt li 22.8% nqatlu fid-distrett tan-Nofsinhar tal-Port. 17.5% u 14.0% tal-vittmi nqatlu fid-distrett tat-Tramuntana u fid-distrett tax-Xlokk, rispettivament. 8.8% tal-vittmi nqatlu fid-distrett tal-Punent, filwaqt li 7.0% nqatlu fid-distrett ta’ Għawdex u Kemmuna.

Meta kienu analizzati r-rati ta’ omiċidji bid-distrett taʼ fejn ikunu ġraw, l-ogħla rata dehret fid-distrett tan-Nofsinhar tal-Port b’1.6 għal kull 100,000 ruħ. L-inqas rata ta’ omiċidji dehret fid-distrett tal-Punent b’0.8 omiċidji għal kull 100,000 ruħ.

Matul iż-żmien ta’ riferenza, żewġ terzi tal-vittmi kienu Maltin, filwaqt li terz kienu ta’ ċittadinanza barranija. Meta din il-medda ta’ 10 snin tiġi maqsuma fiż-żewġ perjodi ewlenin, bejn l-2014 u l-2018, 75.0% tal-vittmi kienu Maltin filwaqt li 25.0% kienu ta’ ċittadinanza barranija. Din id-distribuzzjoni tinbidel meta titqabbel mal-perjodu 2019-2023, b’56.0% tal-vittmi kienu Maltin filwaqt li 44.0% kienu ta’ ċittadinanza barranija.

Ir-rapport tal-NSO jkompli jgħid li 45.6% tal-vittmi nqatlu b’armi bħal oġġetti li jaqtgħu, oġġetti spuntati jew oġġett ieħor li jintuża bħala arma, bħal vettura (esklużi armi tan-nar jew splussivi). Aktar minn terz tal-vittmi nqatlu b’arma tan-nar jew splussiv 38.6%, filwaqt li 12.3% kienu attakkati mingħajr arma jew permezz ta’ mekkaniżmi oħra fosthom tgħalliq, fgar, tagħriq, jew saħħa fiżika bħal attakk sesswali fost tipi oħra ta’ mekkaniżmi. Għal 3.5% tal-vittmi, il-mekkaniżmu tal-qtil ma kienx magħruf.

Ħarsa lejn il-vittmi tal-omiċidji volontarji matul il-perjodu 2014-2023 turi li 42.1% tal-irġiel allegatament inqatlu minn persuna magħrufa mal-vittma, esklużi s-sħab intimi jew il-membri tal-familja. 5.3% tal-vittmi rġiel allegatament inqatlu minn sieħeb/sieħba intimu/a jew membru tal-familja, wieħed minn kull ħamest rġiel minn xi ħadd li ma kienx magħruf mal-vittma, u kważi terz minn aggressur/i mhux magħruf/in.

Fl-istess żmien, kważi nofs il-vittmi nisa ta’ omiċidji volontarji – 47.4% – allegatament inqatlu minn sieħeb/sieħba intimu/a u ftit aktar minn waħda minn kull ħamsa minn membru tal-familja. 10.5% allegatament mietu taħt idejn xi ħadd li l-vittma kienet taf, esklużi sħab intimi jew membri tal-familja, u 15.8% minn xi ħadd mhux magħruf mal-vittma. Il-persentaġġ ta’ nisa li allegatament inqatlu minn aggressur/i mhux magħruf/in kien ta’ 5.3%

Sport