Tuesday, November 26, 2024

Bejn l-2017 u l-2021 kien hemm 29 persuna li tkeċċew wara li nqabdu jabbużaw

Ministru jisħaq kontra l-mentalità li fi proprjetà tal-gvern kollox aċċettat

Aqra wkoll

L-impresssjoni xi kultant tingħata hemm barra hija li ħafna drabi fl-akkomodazzjoni soċjali hemm xi lok għal abbuż. Għalkemm iva sfortunatament hemm minn jipprova jabbuża, dawn ikunu vera ftit. Iddikjara dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt li kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija tal-Membru Parlamentari Laburista Katya De Giovanni li nnutat dwar l-fatt li bejn l-2017 u l-2021 kien hemm aktar minn 200 ċavetta li nġabbru mill-awtoritajiet.

Dwar dan il-Ministru Galdes ikkjarifika li minkejja li l-ammont ta’ ġwievet li nġabru kien jammonta għal mijiet, dawn ma jkunux kollha każi ta’ tkeċċija u li jkun hemm ħafna minnhom li jrodduha lura minn jeddhom. Madanakollu huwa kompla biex jgħid li skont l-istatistika, kien hemm mad-29 każ ta’ tkeċċija u dan ifisser li jkollok ċertu persuni li ma jkunux aderixxew mal-Kundizzjonijiet tal-awtorità tad-djar relatati mal-kirjiet tagħhom. Il-Ministru qal li fost dawn issib nies li ma jħallsux kera għax jippretendu li tal-gvern kollox b’xejn u saħansitra jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu. Il-Ministru kompla biex jgħid li jkollok każi ta’ nies li ma jkollhomx titlu neċessarju għax ikunu daħlu bi ftehim minn taħt ma’ ħaddieħor jew oħrajn li jippruvaw jikru illegalment proprjetà tal-istat biex joħolqu abbuż.

“Aħna ma nistgħux nittolleraw dawn is-sitwazzjonijiet”, kompla biex jgħid Galdes filwaqt li spjega li hemm sezzjoni ta’ infurzar apposta fejn l-awtorità tad-djar tintervjeni fuq rapporti fejn persuni jċemplu b’mod anonomu, jgħaddu l-informazzjoni u tiskatta minnufih investigazzjoni. Wara jsiru spezzjonijiet fejn jiġu ċċekkjati affarijiet bħalma huma nies li jkunu permessi jirrisjedu u xi drittijiet ikollhom marbutin ma’ dik il-proprjetà. Wara li jiġi stabbilit jekk hemmx abbuż jew le, tintbagħat ittra uffiċjali f’każ li l-uffiċjali jikkonfermaw dan. Jekk persuna tibqa’ ma tweġibx, ikomplu l-proċeduri mal-qrati biex issir it-tkeċċija.

Il-Ministru saħaq li dawn is-sitwazzjonijiet sfortunatament huma ġejjin mill-mentalità tal-passat fejn għax tkun f’residenza tal-istat allura bħallikieku għandek xi dritt sagrosant li tagħmel li trid minn dik il-proprjetà. “Illum is-sitwazzjoni qed tinbidel u l-proprjetà tal-istat hija tal-poplu u għalhekk jeħtieġ li nibżgħu għaliha”, temm jgħid il-Ministru.

Sport