Thursday, October 23, 2025

Bejn l-2021 u din is-sena daħlu 9,503 rapport ta’ vjolenza domestika

Aqra wkoll

Bejn l-2021 u Settembru ta’ din is-sena l-Pulizija rċivew 9,503 rapport ta’ vjolenza domestika. Dan ħabbru fil-Parlament il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħo, Byron Camilleri waqt li kien qiegħed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputata Nazzjonalista Graziella Galea.

Il-Ministru fil-figuri li ppubblika qal li fl-2021 saru 1,741 rapport filwaqt li s-sena ta’ wara saru 1,828 rapport. Imbagħad fl-2023 saru 2,071 rapport u fl-2024 saru 2,225 rapport għand il-Pulizija dwar vjolenza domestika.

Minn Jannar ta’ din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru l-pulizija kienu diġà rċivew 1,638 rapport.

Fl-istess tweġiba li ta, l-Ministru Camilleri qal li skont ċifri ta’ Eurostat, Malta għandha l-ogħla rata ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru fl-UE. Id-data nħarġet f’stħarriġ imwettaq bejn l-2020 u l-2024 minn Eurostat, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE).

Dan wara li li għall-ewwel darba l-Korp tal-Pulizija ħatar skwadra speċjalizzata, il-Gender based and domestic violence unit fl-2020, sabiex jagħti servizz aħjar u aktar speċjalizzat lil vittmi ta’ vjolenza domestika.

Il-Gender-Based and Domestic Violence hub li l-Korp tal-Pulizija għandu f’Santa Luċija huwa l-ewwel hub tax-xorta tiegħu f’Malta li fetaħ il-bibien tiegħu fis-sena 2024.

Skwadra u Hub li ma kinux jeżistu qabel introduċihom il-Korp tal-Pulizija taħt din l-amministrazzjoni.

“Filwaqt li bħalissa apparti dawk ta’ Santa Luċija, hemm timijiet minn din it-taqsima jaħdmu mid-depot tal-pulizija fil-Floriana, fiż-żmien li ġej ser jinfetaħ hub ieħor fl-Imtarfa. Dan ix-xogħol huwa mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena u s-servizz jibda fil-bidu tas-sena d-dieħla. B’hekk is-servizz ikun offrut fi tliet postijiet madwar Malta, u post ieħor f’Għawdex. Ukoll, fl-aħħar ġimgħat beda jingħata wkoll servizz ta’ panic alarms li diġà provdejt informazzjoni dwaru f’mistoqsijiet parlamentari,” temm jgħid il-Ministru Camilleri fil-Parlament.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport