Monday, April 29, 2024

Bejn l-2022 u l-2023 kien hemm 20 mewta fuq il-post tax-xogħol

Aqra wkoll

Bejn l-2022 u l-2023 L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) irrappurtat 20 mewta fuq il-post tax-xogħol.

Statistika li ħareġ l-NSO tgħid li l-imwiet kollha fuq il-post tax-xogħol fil-perjodu indikat kienu kollha rġiel. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-vittmi kellhom bejn il-25 u l-34 sena jew 55 sena jew aktar.

Ir-rapport tal-NSO jgħid li l-aċċidenti fatali fuq ix-xogħol ġraw l-aktar fid-distrett tan-Nofsinhar tal-Port, li kien segwit mid-distrett tat-Tramuntana tal-Port. 60% tal-aċċidenti fatali li ġraw fl-aħħar sentejn kienu jinvolvu ċittadini Maltin; bl-40% l-oħra kienu jinvolvu ċittadini mhux tal-UE. Tlieta minn kull erbgħa aċċidenti fatali fuq ix-xogħol involvew impjegati.

L-intrapriżi li jħaddmu bejn 50 u 249 impjegat irreġistraw l-akbar għadd taʼ mwiet fuq ix-xogħol. Min-naħa l-oħra, l-intrapriżi li jħaddmu minn 250 sa 499 impjegat ma rreġistraw l-ebda mewta fuq ix-xogħol.

L-NSO jirraporta li aktar minn 90% tal-imwiet kollha kienu kkawżati minn korrimenti fir-ras. Dwar it-tip ta’ korrimenti li sofrew il-vittmi, matul l-2022 u l-2023, 18-il mewta fuq ix-xogħol involvew konkussjonijiet u korrimenti interni.

Ir-rapport itemm jgħid li matul l-aħħar sentejn, 55% tal-imwiet kollha fuq ix-xogħol ġraw fil-qasam tal-kostruzzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-imwiet fuq ix-xogħol (65.0%) involvew vittmi li kienu f’impjiegi elementari.

Fl-2022 u l-2023, ir-rata ta’ inċidenza kienet ta’ 5.3 u 1.7 rispettivament.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport