Wednesday, November 19, 2025

B’ekonomija b’saħħitha nistgħu nagħmlu parks bħal tal-White Rocks

Aqra wkoll

“Minkejja l-kritika kollha li ssirilna, dan hu l-aktar Gvern li investa riżorsi għall-għanijiet ambjentali. Liema huwa f’dan il-budget, dak il-Ministeru li għandu l-aktar spiża kapitali fl-estimi? Il-Ministeru tal-Ambjent u l-Enerġija. Allokazzjoni ta’ spiża kapitali ta’ €275 miljun.

“Tajna Ħondoq ir-Rummien lura lin-nies. Se nroddu Manoel Island lura u se nagħtu l-White Rocks lura lill-poplu Għawdxi u Malti. Il-parks nazzjonali li se nagħmlu fil-White Rocks u f’Manoel Island, id-daqs tagħhom magħdudin flimkien huwa daqs il-Belt Valletta.”

“Ħaddieħor fis-sena 2000 ta Manoel Island għall-iżvilupp. Fil-white rocks flok binjiet lussużi se nagħtu prijorità lill-familji u se jkun il-poplu, partikolarment uliedna, li se jiddisinjaw huma dak li jaraw li jrid iseħħ f’dawn iż-żewġ parks nazzjonali.”

Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt id-diskussjoni parlamentari dwar l-estimi finanzjarji għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Huwa beda billi ddeskriva l-Budget bħala l-aqwa wieħed fl-istorja ta’ pajjiżna, b’nefqa ta’ €9.3 biljun ewro. Dan b’kuntrast mal-aħħar budget li kien ippreżenta Gvern Nazzjonalista fejn dakinhar in-nefqa kienet ta’ €3.1 biljun.

“Gvernijiet Nazzjonalisti, tul 14-il sena sħaħ, tafu b’kemm kienet tiżdied in-nefqa ta’ kull budget? B’€151 miljun fis-sena. Gvern Laburista kull sena żidna l-budget b’medja ta’ €450 miljun ewro. Mal-erba’ darbiet iżjed.”

“Dis-sena biss l-allokazzjoni għaż-żieda fil-pensjonijiet hi kważi daqs iż-żieda fl-allokazzjonijiet kollha li kienu jagħtu Gvernijiet Nazzjonalisti f’budget sħiħ. Aħna f’dan il-budget tajna żieda rekord ta’ €100 miljun fil-pensjonijiet,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Huwa nnota kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg fir-replika tiegħu għall-budget kien qal li l-pensjonanti lanqas ingħataw bi mqar nofs ħobża tal-Malti kuljum. Dr Abela qal li anke f’dan il-kumment, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien totalment u fattwalment skorrett.

“Biex tixtri nofs ħobża tal-Malti kuljum, fuq medda ta’ sena, tonfoq bi ftit inqas minn €200. Ras għal ras lill-pensjonanti tajnihom b’aktar minn €1,000 żieda,” qal il-Prim Ministru.

Huwa mbagħad ta diversi eżempji ta’ x’se tkun qiegħda tfisser il-miżura tat-tnaqqis fit-taxxi għall-familji u kemm se jkun qed jibqgħalhom aktar flus fil-but il-ħaddiema. Fost l-oħrajn semma kif fit-tliet snin li ġejjin bejn iż-żieda fl-allokazzjoni tal-budget u t-tnaqqis fit-taxxi “se nħallu €2 biljun aktar lill-familji u lin-negozji Maltin.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni b’rabta mal-Viżjoni Malta 2050 fejn il-Gvern irċieva aktar minn 2,000 sottomissjoni. Qal li kien biss ftit tal-jiem ilu meta wasal ukoll id-dokument tal-Oppożizzjoni dwar din il-viżjoni fejn innota li anke d-data li kien hemm miktuba f’dan id-dokument kienet ħażina.

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru tkellem dwar l-erba’ pilastri li fuqhom hi msejsa din il-viżjoni kif ukoll il-miri li jridu jintlaħqu fis-snin li ġejjin: tkabbir ekonomiku ta’ 5% fis-sena, li nittrasformaw kompletament is-servizz pubbliku, pajjiż reżiljenti b’sistema edukattiva b’saħħitha u moderna kif ukoll l-aħjar użu tal-art u l-ibħra tagħna.

“Kellna konsultazzjoni wiesgħa fuq din il-viżjoni u fl-ewwel ġimgħat tas-sena d-dieħla se titnieda biex imbagħad minnufih ngħaddu għall-implimentazzjoni tagħha, li trid tkun waħda ta’ poplu sħiħ,” tenna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru fisser ukoll kif l-ambjent ma jfissrx spazji ħodor biss imma ta elenku ta’ proġetti oħra fosthom is-shore-to-ship kif ukoll il-proġett tat-tieni interconnector li mistenni jiġi implimentat is-sena d-dieħla. Huwa tkellem ukoll fuq l-Intelliġenza Artifiċjali u anke l-investiment li qed isir għal karrieri ta’ kwalità f’setturi diversi fosthom fl-iGaming.

Dwar Għawdex, il-Prim Ministru qal li s-sena d-dieħla se jinbdew ħafna proġetti ambjentali fosthom il-Victoria Park b’investiment ta’ 20 miljun ewro filwaqt li se jkun qed jiġi studjat l-impatt ta’ kif jonqos it-traffiku lejn il-qalba tar-Rabat u villaġġi oħra.

“Għalhekk niġi hawn u b’konvinzjoni nitkellem li ġej żmien sabiħ għal pajjiżna fejn is-suċċess li ksibna flimkien fl-aħħar snin se nsarrfuh fi prosperità ġdida,” temm jgħid il-Prim Ministru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport