Wednesday, February 12, 2025

Belġjan jingħata sentenza sospiża u multa ta’ €4,000 wara li għamel ħerba f’lukanda wara ġlieda mat-tfajla

Aqra wkoll

Nicolas Vervueren, Belġjan ta’ 27 sena ġie kundannatentejn ħabs sospiżi għal erba snin u mmultat €4,000 wara li ammetat għamel ħerba f’lukanda wara ġlieda mat-tfajla tiegħu.

Vervueren tressaq il-Qorti wara li nhar is-Sibt li għadda għall-ħabta tas-2.00am kellu argument mat-tfajla tiegħu f’kamra f’lukanda f’Malta u għamel xi ħsara fl-istess kamra.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech li koppja Maltija li kienu f’waħda mill-kmamar fil-viċin semgħu l-għajat. Imbgħad raw lit-tfajla ħierġa mill-kamra fejn dehret viżibilment inkwetata u dawn offrewlha l-għajnuna. Kien hawn li ħareġ l-akkużat u spiċċa wkoll f’argument mar-raġel li pprova jgħin lit-tfajla.

Minn investigazzjoni li saret irriżulta li l-akkużat għamel ħsara lit-television, fejn il-Prosekuzzjoni qalet li kienet it-tfajla li ħalset €600 għall-ħsara. Għamel ukoll ħsara fil-bibien meta beda jagħti fuqhom, li tammonta għal madwar €2,000.

Hu ġie akkużat ukoll li waqt l-arrest għamel reżistenza lil żewġ uffiċjali tal-Pulizija. Ġie mixli wkoll li inġurjahom u heddidhom, li kkaġuna feriti ħfief lir-raġel li ta l-għajnuna, li għamel ħsara għad-dannu tas-sidien tal-lukanda, li kiser il-paċi pubblika u li naqas milli jobdi l-ordnijiet leġittimi tal-pulizija.

Vervueren wieġeb ħati għal dawn l-akkużi bil-Maġistrat Jean Paul Grech jimmultah €4,000, flimkien ma’ sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin u ordnalu jħallas ukoll €2,100 fi żmien sitt xhur fi ħsarat lil-lukanda.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport