Benfica rebħu t-titlu tal-Primeira Liga Portugiża għall-ewwel darba mill-2018-19 grazzi għar-rebħa ta’ 3-0 fuq Santa Clara fl-aħħar ġurnata.
Telfa kienet tiftaħ il-bieb għal Porto, iżda goals ta’ Goncalo Ramos, Rafa Silva u Alex Grimaldo raw lit-team ta’ Roger Schmidt jaqbeż il-linja tat-tmiem.
Benfica spiċċaw l-istaġun b’erba’ telfiet biss fil-kompetizzjonijiet kollha, bi tlieta minnhom jaslu fi spazju ta’ disat ijiem f’April.
B’hekk huma rebħu rekord ta’ 38 titlu fil-Portugall waqt li Porto, li għelbu lil Vitoria SC 3-0 ukoll u temmew fit-tieni post tliet punti warajhom, rebħuh 30 darba.
Fis-Segunda Liga, SC Farense, li magħhom jilgħab l-internazzjonali Malti, Zak Muscat, temmew l-istaġun b’rebħa ta’ 3-1 fuq Tondela. Iċ-champions għalqu b’79 punt u Farense, li spiċċaw it-tieni, kisbu 69 punt, tlieta iktar minn Estrela Amadora li spiċċaw bi 63 punt.