Benfica stabilixxew prezz mitlub ta’ £67m għall-attakkant tagħhom, Darwin Nunez.
Iż-żagħżugħ ta’ 22 sena kien membru ewlieni tal-iskwadra ta’ Benfica dan l-istaġun, u lagħab 33 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha, fejn skorja 26 goal.
Bħalissa l-internazzjonali Urugwajan huwa l-aqwa skorer fil-Primeira Liga, li wassal għal spekulazzjoni ta’ trasferimenti madwaru minn madwar l-Ewropa.
Huwa mifhum li Benfica qed jitolbu somma ta’ £67m għal Nunez, bl-istess player jiskorja l-goal rebbieħ fil-partita kontra Ajax fiċ-Champions League.
Il-club Portugiż huwa konxju sew tal-interess f’dan il-player minħabba l-wirjiet impressjonanti tiegħu f’dan l-istaġun, bi clubs mill-Premier League fl-Ingilterra qed iżommu ħarsithom mill-qrib fuq is-sitwazzjoni tiegħu.
Arsenal, Manchester United u Newcastle United kollha qed jittamaw li jiffirmaw lil Nunez dan is-sajf, bit-tliet clubs kollha mistennija jkunu fis-suq tat-trasferimenti għal attakkant ġdid, li hija xi ħaġa li kull team għandu bżonn.
Intant, hemm timijiet oħra fl-Ewropa li qed isegwu l-passi tiegħu, hekk kif Barcelona u AC Milan iridu jakkwistaw is-servizzi tiegħu wkoll.