Tuesday, July 29, 2025

Benjamin Chetcuti mixli bi qtil involotarju ta’ Mildred Azzopardi

Aqra wkoll

Benjamin Chetcuti, suldat mal-Forzi Armati ta’ Malta, ta’ 23 sena residenti Raħal Ġdid tressaq b’arrest quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fejn ġie mixli bi qtil involontarju ta’ Mildred Azzopardi ta’ 62 sena mill-Ħamrun, omm ta’ erbat itfal.

L-akkużat kien il-persuna li kien qiegħed isuq il-karozza li laqtet lil Azzopardi nhar il-Ħadd li għadda fi Triq Ta’ Liesse, il-Belt Valletta.

Minn investigazzjoni li saret irriżulta li l-karozza Subaru Impreza misjuqa minn Chetcuti ħabtet ma’ Ford Fiesta ipparkjata. Azzopardi kienet fil-viċinanzi tal-karozza u spiċċat maqbuda bejn iż-żewġ vetturi. Hija kienet ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-karozza li kien qiegħed isuq l-akkużat ma kinitx tiegħu, u lanqas kellu liċenzja valida kif ukoll il-karozza lanqas kienet koperta b’assigurazzjoni.

Apparti l-qtil involontarju Chetcuti ġie mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi gravi lil raġel ieħor li jiġi r-raġel tal-vittma u li kkawża dan b’negliġenza, kif ukoll li għamel ħsara lil diversi vetturi oħra – fosthom Toyota Vitz, Znen, Yamaha u Ford Fiesta – u li naqas milli jipprevjeni reat, minkejja li hu uffiċjal pubbliku.

Is-Superintendent Nicholas Vella xehed fil-Qorti li l-Pulizija kienu ġew informati li kienet seħħ inċident. Huma marru fuq il-post fejn sabu persuna fil-periklu tal-mewt u oħra mejta.

Xehed li Chetcuti ġie identifikat bħala s-sewwieq, u ttieħed għall-isptar fejn sar test tal-alkoħol li rriżulta li kien ‘il fuq mil-limitu legali.

Id-difiża li kienet imexxija mill-Avukat Franco Debono filwaqt li ma kkontestax il-vadilità tal-arrest għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda din sabet oppożizzjoni kbira mill-Prosekuzzjoni fejn qalet li hemm l-biża’ ta’ tbagħbis tal-evidenza, speċjalment minħabba li hemm xhud ewlieni f’qagħda kritika.

Min-naħa tagħha Dr Darleen Grima mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali qalet li għad hemm diversi xhieda li għad iridu jixhdu quddiem il-qorti filwaqt li qalet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Il-Qorti wara li semgħet is-sottomissjonijiet, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €20,000 kif ukoll li jiffirma kuljum l-Għassa ta’ Raħal Ġdid.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Darleen Grima mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistita mis-Superintendent Nicholas Vella. L-akkużat kien assistit mill-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri, filwaqt li l-Avukata Lara Dimitrijevic dehret f’isem il-familja tal-vittma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport