Karim Benzema mmarka l-aħħar dehra tiegħu ma’ Real Madrid b’goal hekk kif spiċċaw draw 1-1 fl-aħħar logħba tagħhom tal-istaġun ta’ La Liga f’darhom kontra Athletic Bilbao.
Il-player ta’ 35 sena, it-tieni fil-lista tal-goals rekord ta’ kull żmien tal-club, skorja minn penalty wara li Eder Militao kien iffawljat fil-kaxxa.
Real ikkonferma t-tmiem ta’ 14-il sena ta’ Benzema fil-Bernabeu nhar il-Ħadd, qabel ċaqlieq irrappurtat lejn l-Arabja Sawdija.
Oihan Sancet (49) poġġa lill-viżitaturi minn fuq b’xutt mill-viċin waqt li Mikel Vesga kellu penalty salvat mill-goalkeeper Madrilen, Thibaut Courtois,
Benzema kellu karriera stellari mal-Madrileni fejn rebaħ iċ-Champions League ħames darbiet u La Liga erba’ darbiet. Huwa ġie mibdul minn Luka Modric fl-74 minuta fejn ħalla l-ground b’ovazzjoni stupenda mill-partitarji ta’ Los Blancos.
Marco Asensio, li l-perjodu ta’ tmien snin tiegħu ma’ Real se jintemm dan is-sajf, irċieva riċeviment simili meta ġie mibdul fil-ħin mogħti żejjed.
Iżda ma kienx hemm dehra tal-addio għal Eden Hazard li kien sostitut mhux użat qabel ma jħalli l-club fit-30 ta’ Ġunju.
Real spiċċaw it-tieni wara ċ-champions Barcelona, li reġgħu sfaw megħluba din id-darba 2-1 minn Celta Vigo fejn għal dawn skorja doppjetta Gabriel Veiga (42 u 65) waqt li Ansu Fati (79) naqqas id-distakk għat-team ta’ Xavi Hernandez.