L-aqwa sprinter ta’ Malta, Beppe Grillo, ħabbar l-irtirar tiegħu mill-isport, fejn semma li m’għadux ‘passjonat dwar l-isport’ u ċaħad kwalunkwe allegazzjoni li falla test tad-doping.
Grillo huwa meqjus bħala l-aqwa sprinter ta’ Malta peressli għandu r-rekords nazzjonali fil-100m, u s-sena l-oħra rebaħ il-midalja tad-deheb fil-200m fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li saru f’Andorra.
Fi stqarrija fuq il-mezzi soċjali tiegħu, Grillo qal li inizjalment ma kienx se jagħmel pubblika l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-isport, iżda kien imġiegħel jitkellem wara li ġie akkużat li ħalla l-isport minħabba allegazzjonijiet ta’ doping.
“Inizjalment, ma kellix l-intenzjoni li nagħmel stqarrija pubblika li tħabbar l-irtirar tiegħi mill-karriera atletika tiegħi,” kiteb Grillo.
“Madankollu, xi individwi ppruvaw jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tiegħi kif ukoll lil dik tal-kowċ tiegħi, billi akkużawni li rtira minħabba allegazzjonijiet ta’ doping.
“Nixtieq niċċara li d-deċiżjoni tiegħi li nieqaf kienet biss għax ma bqajtx passjonat dwar l-isport u kont nemmen li kien wasal iż-żmien li nimxi ‘l quddiem.
“Huwa redikolu li ċerti nies jagħmlu daqshekk sforz biex joħolqu xnigħat ta’ ħsara, mhux biss dwari u dwar il-kowċ tiegħi, iżda wkoll dwar kull min appoġġja l-vjaġġ tiegħi.
“Nixtieq nassigura lil kulħadd li matul il-karriera kollha tiegħi, ir-riżultati kollha tiegħi nkisbu mingħajr l-użu ta’ xi sustanzi.”
B’reazzjoni għad-dikjarazzjoni tiegħu, il-kowċ ta’ Grillo, Steve Camilleri, irringrazzja pubblikament lil Grillo għall-fidi li wera fih.
“Issa li Beppe Grillo għamel l-irtirar tiegħu pubbliku, nixtieq ngħidlu grazzi sinċiera,” kiteb Camilleri.
“Grazzi talli fdajtni matul dawn l-aħħar tliet staġuni. Li kieku ma kienx għalik, ġenwinament ma kontx nibda nikkowċja.
“Dak li ksibna flimkien dejjem se jibqa’ miegħi għall-bqija ta’ ħajti, x’storja tal-ġenn għandi x’nirrakkonta lil kulħadd – li int sirt atleta Olimpiku u l-aktar persuna mgħaġġla fl-istorja Maltija taħt il-gwida tiegħi hija xi ħaġa li dejjem se nkun kburi biha, u grat li kelli l-opportunità li naqsamha miegħek.
“Nawguralek xejn ħlief suċċess u ferħ f’dak kollu li tiddeċiedi li tagħmel.”

