Saturday, November 16, 2024

Bernard Grech: “Ejja ma nkunux verġni iktar mill-Papa”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jgħid li min jaħseb li l-politiċi ma jkollhomx xi ikla mħallsa qed ikun naïve

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech appella biex fil-pajjiż ma nkunux iktar verġni mill-Papa u nippretendu li ma jkunx hemm min iħallas xi ħaġa lill-politiċi.

Huwa għadda din ir-rimarka fi tmiem żjara li għamel fl-Excelsior tal-Furjana li fiha ltaqa’ mal-‘management’ tal-lukanda li bħalissa għandha biss madwar 10 kmamar mimlija minn madwar 400.

Il-Kap tal-PN kien mistoqsi dwar il-każ-Jason Azzopardi li issospenda lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista sakemm jiġi investigat fi ħdan il-partit dwar is-safra fl-Iżrael li fiha kellu l-lukanda mħallsa minn Tumas Group.

Grech sostna li s-sospensjoni tal-Avukat Azzopardi turi li huwa mhux “il-kandidat ta’ Jason” kif kien hemm minn qal u iddikjara li sakemm jinqata’ il-każ ma kienx se jikkummenta aktar.

Meta magħfus aktar dwar il-każ-Azzopardi huwa iddeskrivih bħala politiku ta’ kwalitajiet kbar li għamel ħafna ġid lil Malta u li jinkwieta lill-Partit Laburista.

Il-Kap tal-PN sostna wkoll li huwa jrid ikun jaf jekk hemmx membri parlamentari Nazzjonalisti li rċevew xi rigal għalkemm żied li l-politiċi jkunu mistednin għal diversi attivitajiet u ġieli kellhom xi ikla mħallsa waqt li stqarr li min jaħseb li ma jiġrix hekk qed ikun naïve.

Minbarra l-fatt li kellu l-lukanda mħallsa l-Avukat Azzopardi jinsab ukoll taħt kritika wara li l-mara tiegħu sostniet fuq Facebook li huwa qalilha li kien sejjer waħdu għax wara ried imur ukoll fuq il-qabar ta’ Kristu f’Ġerusalemm imma fil-verità mar ma’ dik li hija s-sieħba attwali tiegħu.

Fir-reazzjoni tiegħu għall-kumment ta’ dik li legalment għadha l-mara tiegħu, Dr Azzopardi iddikjara li ma kienx se jinżel f’livell baxx u joqgħod jitkellem dwar il-ħajja personali tiegħu.

Ekonomija

Sport