Sunday, December 22, 2024

Bernard Grech iwiegħed miżuri favur l-ambjent meta jkun fil-Gvern

Aqra wkoll

Fi djalogu li sar fin-Nadur Għawdex il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, sostna li fil-pajjiż jista’ jkollna żvilupp imma jrid ikun sostenibbli li jirrispetta l-kwalità tal-ħajja, skont ir-regoli u l-permessi maħruġa b’rispett għal dawk ta’ madwar kif ukoll għall-ambjent. F’nota oħra negattiva allega li fil-pajjiż qisu kulħadd jagħmel li jrid u oħrajn iridu jbatu l-konsegwenzi. Grech semma’ diskussjonijiet li kellu dwar l-iżvilupp u allura l-ekonomija f’Għawdex.

Filwaqt li beda bil-wegħdiet tiegħu ladarba u jekk jitla’ fil-Gvern, il-Kap tal-PN insista li huma mhumiex se jonħoqu l-kwalità tal-ħajja tan-nies bi żvilupp ekonomiku bla ippjanar. “Huwa obbligu tagħna li nimxu b’rispett ma’ xulxin. Jekk ikun hemm żvilupp, kemm żgħir jew kbir, dan meħtieġ li jsir skont ir-regoli u l-permessi. Għalina mhuwiex aċċettabbli li għax persuna qiegħda tibni, ta’ madwaru jridu jbatu għax għandu l-permessi. Minn hemm ħdejh għandu d-drittt li jgawdi dak l-ispazju,” kompla Grech.

Kien hawn li l-Kap tal-Oppożizzjoni ta stampa ta’ komunitajiet u lokalitajiet “liveable” fejn wieħed jgħix tajjeb fihom. “Irridu naraw li ‘l quddiem ikollna minnhom. Iva, lokalitajiet li mhux qishom dormitorji biss imma li tgħix u tgawdi l-esperjenza fihom. Li tgħix fil-komunità trid tkun esperjenza”.

Hawn għal darb’oħra attakka lill-Gvern b’allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ investiment u ppjanar. Grech saħaq li hemm responsabbiltà ta’ investiment fl-infrastruttura u wara li jkun hemm fondi għall-Kunsilli għaż-żamma tal-istess lokalitajiet. Barra l-aspett soċjali huwa tkellem fl-importanza tas-sigurtà fen irribatta fl-importanza li jkunu rrispettati l-forzi tal-ordni. Fir-rigward, wiegħed li ladarba u jekk ikun fil-gvern, lill-forzi tal-ordni tagħna se jagħtihom l-appoġġ u t-taħriġ kollu li għandhom bżonn.

Minn kritika għall-oħra, il-Kap tal-PN tkellem dwar il-konnettività fil-lokalitajiet “u mhux traffiku u tniġġis” fejn żied li, “il-lokalità għandha tkun sabiħa. Irridu niskopru kemm huwa importanti li jkollna ambjent sabiħ. L-ambjent għalina mhumiex biss il-widien u l-baħar li xorta huma sbieħ u rridu nieħdu ħsiebhom imma, x’jiswa li jkollna l-ibħra imma l-ambjent fejn tgħix, fejn taħdem, fejn tikkrea ruħek, fid-djar tal-anzjani, fl-isptar u fejn naħdmu, li ma jkunux tajbin? Għalina l-ambjent huwa dan kollu. Jista’ jkollna żviupp iva imma, irid ikun sostenibbli li jjirrispetta dawn il-kwalitajiet. Żvilupp sostenibbli li jkun ippjanat. Is-saħħa mentali tassew inkunu qegħdin naħdmu għaliha billi noħolqu komunitajjiet b’saħħithom ħalli l-bniedem jgħixu u mhux jeżisti biss”.

Fuq il-Budget 2025 Bernard Grech avvela lill-Gvern fejn iddikjara li “m’għandniex fiduċja li se jwettqu” u minflok jwiegħed li se jwettaq miżuri meħtieġa hu meta jkun fit-tmum tal-pajjiż. Bil-quddiem huwa qal li l-COLA m’għandhiex tkun intaxxata, li se jagħti tax credittts lis-self employed u lil min iħaddem; se jkun hemm tnaqqis fit-taxxa b’mod speċjali lill-ġenituri bi tfal li jibqgħu jistudjaw; u lill-ġenituri romol bi tfal żgħar anke jekk dawn ma jħallsux taxxi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jisħaq f’politika serja. “Taraw kif il-politika tagħna mhiex politika tal-proposti imma l-politika nħarsu lejha bis-serjetà… Il-kwalita tal-ħajja ma tiġix mix-xejn. Tiġi billi l-ekosistema tkun waħda kompluta. Aħna se nagħtu d-direzzjoni imbagħad, dik id-direzzjoni l-privat, is-self employed min jinvessti, il-ġenitur u l-ħaddiema jkunu jafu fen irridu naslu. Id-deciżjonijiet mhux se jkunu ta’ dak il-ħin imma bil-għaqal ibbażati fuq pjan”.

Grech temm iwiegħed li se nkunu qegħdin ngħixu aħjar taħt gvern tal-PN għax “se ninvestu b’mod sostenibbli u nagħtuk garanziji li tibqa’ bil-kwalità tal-ħajja. Il-mixja hija waħda twila imma b’konvinzjoni nistgħu naslu għax fuq kollox għandna l-libertà u d-dritt li nibqgħu naqbżu għan-nies u għandna mpenn politiku li nwettqu dan il-pjan”.

Ekonomija

Sport