Friday, December 27, 2024

Bernard Grech jallega li MPs tal-Gvern għandhom interessi personali fl-“istorbju” fil-Belt Valletta

Isostni li bis-saħħa tal-PN l-emendi fil-liġi tal-IVF saru ħafna u ħafna aħjar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt intervista fuq Net FM il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech allega għal darba darbtejn li membri tal-Kunsill u dawk parlamentari għandhom interessi personali fi stabbilimenti kummerċjali li “jagħmlu l-istorbju” fil-Belt Valletta anke wara s-1:00 a.m.

“Dawn flus biss jaraw, ma jinteressahomx mir-rispett, mill-interess, mill-kwalità ta’ ħajja, u mill-investiment tan-nies ġewwa l-Belt”, kompla biex jgħid Grech. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li r-residenti Beltin qegħdin ibatu minn ansjetà u qegħdin iħossuhom abbandunati. 

Huwa żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern kellu ħolma għall-belt Valletta u filwaqt li tkellem dwar “investimenti kbar”, il-Partit Laburista jrid jagħmel mill-Belt Paceville oħra.

Tkellem ukoll dwar l-emendi l-ġodda fil-liġi tal-IVF. Grech fakkar li din il-liġi kien għaddieha l-Partit Nazzjonalista u ġiet emendata darbtejn f’dawn l-aħħar snin. Sostna li bħala partit, il-grupp parlamentari Nazzjonalista ltaqa’ u ddiskuta għal madwar 11-il siegħa sħaħ biex raw kif jistgħu jtejbu din il-liġi. Fost l-oħrajn tkellem dwar il-PGT testing u l-Polar Body Testing u rrikonoxxa l-fatt li l-gvern laqgħa l-emenda ta’ dan it-test. Huwa sostna li bis-saħħa tal-partit immexxi minnu tejjeb din il-liġi u għamilha ħafna u ħafna aħjar. 

Bernard Grech tkellem dwar dak li qegħdin idaħħlu d-dubju. Ċaħad ukoll li dawn l-emendi se jkunu qegħdin jagħtu lok għall-abort u qal li dawn il-persuni qegħdin ikunu skorretti. Minkejja dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien fost tliet membri oħra li vvutaw kontra dawn l-emendi. Delia talab li jikkjarifika għaliex fl-opinjoni tiegħu dawn l-emendi ma kellhomx jagħżlu u fi ftit kliem spjega l-pożizzjoni tiegħu.

Rigward il-vot dwar il-ftehim mill-ġdid fl-art fiż-Żonqor, Grech qal li dan huwa proġett “fallut”, għax mhux qiegħed jilqa’ l-eluf ta’ studenti li kellhom ikunu qegħdin jistudjaw f’din l-Università. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li b’dan il-ftehim il-ġdid iċ-ċittadin kien se jiggwadanja u mhux jitlef u fil-parlament spjega fid-dettall b’persentaġġi ta’ art li l-gvern se jieħu lura fi Smart City biex seta’ jsir dan il-ftehim, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan il-ftehim huwa daħk fil-wiċċ. Huwa qal li huwa biss il-Partit Nazzjonalista biss li qiegħed jipproteġi lill-poplu Malti u Għawdxi, filwaqt li l-gvern qiegħed jipproteġi lill-investituri barranin.

Ekonomija

Sport