Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ikkritika lill-Gvern talli naqas milli jippreżenta strateġija koerenti għal wara l-pandemija tal-Covid-19.
F’attività politika fil-kwartieri tal-Partit Nazzjonalista Grech qal li l-Gvern għad irid jippreżenta pjan ta’ rkupru għal wara li tgħaddi l-pandemija, bin-negozji li jiġu assigurati li l-iskema tal-wage supplement tibqa’ fis-seħħ sa nofs is-sena li ġejja. Dan filwaqt li għandhom jinħarġu d-dettalji dwar l-iskema l-ġdida tal-vaawċers.
Huwa ħeġġeġ lin-nies biex tikkopera mal-awtoritajiet, filwaqt li tibqa’ viġilanti. Tenna li filwaqt li saru żbalji fl-għoti tat-tilqima kontra l-influwenza, qal li jittama li l-Gvern tgħallem minn dan u ma jerġax jagħmel l-istess żbalji meta jasal biex jagħti t-tilqim kontra l-Covid-19 lill-poplu.
Grech kompla jattakka lill-Gvern u ddeskriva lill-Prim ministru Abela bħala dgħajjef u li tilef il-kontroll fuq il-kabinett tiegħu. Huwa kkritika lil Abela talli baqa’ sieket wara li Qorti qalet li ma temminx x-xhieda mogħtija mill-Ministru Ian Borg f’kawża ta’ libell dwar xiri ta’ art fir-Rabat. Grech saħansitra implika li Borg kien ħa vantaġġ minn raġel vulnerabbli meta xtara proprjetà ħames snin ilu.
Il-Kap Nazzjonalista rrefera wkoll għad-dibattitu biex jitnaqqas iż-żmien ta’ separazzjoni biex wieħed jikseb divorzju, li attwalment huwa ta’ erba’ snin.
Filwaqt li qal li l-Partit Nazzjonalista għamel numru ta’ proposti dwar dan, il-Gvern naqas milli jippreżenta l-proposti tiegħu.
Irrefera wkoll għal problemi li jeżistu fil-Qorti tal-Familja u fil-leġiżlazzjoni li twassal biex familji jinfirdu, b’ġenituri ma jkunux jistgħu jaraw lil uliedhom għal ġimgħat jew xhur sħaħ minħabba l-proċeduri fil-Qorti. Huwa tenna li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jara li dawn il-problemi jiġu indirizzati.