Saturday, November 23, 2024

Bernard Grech jikkritika r-reshuffle tal-Kabinett imħabbar mill-Gvern

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kellu kliem iebes għar-reshuffle tal-Kabinett imħabbar mill-Gvern, u qal li dan jikkonferma l-inkompetenza tal-Prim Ministru Robert Abela.

F’attività politika fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, Grech qal Abela kkonferma n-nuqqasijiet tiegħu meta ħabbar reshuffle ta’ Kabinett maħtur minnu 10 xhur ilu.

Grech ikkritika lil Abela talli introduċa numru ta’ ministeri ġodda u qal li dan se jwassal biex jintefqu miljuni ta’ ewro fi żmien meta l-pajjiż qed jiffaċċja l-akbar defiċit.

Huwa rrefera għat-tneħħija ta’ Silvio Parnis minn Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, u qal li l-Partit Nazzjonalista kien ilu għal dawn l-aħħar xhur jitlob għat-tneħħija tiegħu, b’numru ta’ residenti fi djar tal-anzjani jiġu infettati bil-Covid-19 minħabba nuqqas ta’ azzjoni propizja mill-Gvern.

Grech ikkritika wkoll l-mossa li Owen Bonnici jingħata l-Ministeru għar-Riċerka, Innovazzjoni u Kordinazzjoni minflok il-Ministeru għall-Edukazzjoni, u qal li dan kien falla kemm fil-portafoll tal-ġustizzja u anke f’dak tal-edukazzjoni, u għaldaqstant kif jista’ l-Gvern jaħseb li mhux se jfalli għal darba oħra.

Huwa staqsa wkoll ir-raġuni għaliex l-eks-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana reġgħet inħatret bħala Ministru.

Sport