Waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet il-kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà ikkonferma li l-vittma kienet għamlet ħames rapporti lill-pulizija. Hu sostna li 3 minn dawn ir-rapporti kienu diġà nħarġu l-akkużi filwaqt li t-tnejn l-oħrajn kienu għaddejjin l-investigazzjonijiet.
Il-Kummissarju tal-Pulizija qal l-aħħar żewġ rapporti kienu saru fl-14 ta’ Novembru u lbieraħ stess.
Meta ġie biex jitkellem dwar is-sitwazzjoni li għaddejja bħalissa kkonferma li r-raġel tal-vittma hu s-suspetta ewlieni f’dan il-qtil. Hu sostna li wara li allegatament wettaq id-delitt ħarab minn fuq il-post u mar fir-residenza tiegħu l-Qrendi. Il-Kummissarju Gafà qal li uffiċjali tal-pulizija ilhom minn 9.20am quddiem ir-residenza fejn ikkonferma li bħalissa hemm żewġ negozjaturi li qed jitkellmu mas-suspettat.
Il-kelliem sostna li r-raġel ta’ Bernice s’issa allegatament għadu armat u għalhekk tagħmel l-operazzjoni ferm aktar diffiċli biex ma jweġġa’ ħadd. Il-Kummissarju qal li fuq il-post tal-qtil l-arma ma nstabitx u allura hemm suspetti li din qiegħda fid-dar fejn qiegħed is-suspettat. Ir-raġel tal-vittma ma kellux armi illiċenzjati f’ismu.
Intant Gafà qal li l-vittma kienet qiegħda tingħata għajnuna mill-victim support unit tal-pulizija. Hu sostna li din it-taqsima qed tagħmel ħafna xogħol tajjeb fost il-vittmi tal-vjolenza domestika. Gafà qal li bħalissa hemm 33 uffiċjali tal-pulizija li ħames minnhom huma Spetturi.
Meta mistoqsi jekk l-allegat aggressur qattx ġie mitkellem mill-pulizija, il-Kummisarju sostna li qabel ma nħarġu l-akkużi fil-konfront tiegħu, il-pulizija kellmuh.
Dwar kemm qed taħdem il-victim support unit, qal li l-każi rraportati ta’ vjolenza domestika qegħdin jiżdiedu kull sena. Fil-fatt bħalissa qed jidħlu medja ta’ ħames rapporti kuljum dwar vjolenza domestika.
Intant, l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin kemm mill-pulizija u anke permezz tal-inkjesta li ġiet ordnata.