Friday, November 15, 2024

BEST FIFA AWARDS: Lionel Messi u Alexia Putellas magħżula l-Players tas-Sena

Aqra wkoll

Lionel Messi u Alexia Putellas ġew magħżula l-Players tas-Sena fil-Best FIFA Awards 2022 meta nhar it-Tnejn fil-għaxija fis-Salle Pleyel ta’ Pariġi saret il-preżentazzjoni fejn spikkaw l-Arġentina li rebħu l-premjijiet ewlenin kollha tal-irġiel wara r-rebħ tat-Tazza tad-Dinja f’Diċembru li għadda.

L-attakkant ta’ 35 sena, li rebaħ l-unur għat-tieni darba, skorja żewġ goals fil-finali kontra Franza, bl-Amerikani t’Isfel joħorġu trijonfanti bil-penalties wara draw ta’ 3-3 wara l-ħin barrani fil-Qatar.

“Huwa tal-għaġeb. Kienet sena tremenda u huwa unur għalija li nkun hawn illejla u nirbaħ dan il-premju”, qal Messi, li poġġa ħdejn l-attakkant ta’ Franza u sieħbu ta’ Paris St Germain, Kylian Mbappe, matul iċ-ċerimonja.

Mbappe, nominat ukoll għall-premju tant mistenni, skorja tripletta fil-finali tat-Tazza tad-Dinja iżda l-kisba tiegħu ġiet mittiefsa hekk kif Messi fl-aħħar rebaħ l-aktar trofew mixtieq fil-football dinji għalkemm il-Franċiż kien għamel dan erba’ snin qabel fir-Russja.

“Irrid nesprimi l-ħajr tiegħi lill-coach, Lionel Scaloni, u lill-sħabi, li  mingħajrhom ma kontx inkun hawn,” żied jgħid Messi.

“Ksibt ħolma li kont ilni nittama għal tant żmien u fl-aħħar wettaqha. Hija ħolma għal kull player, ftit nies jistgħu jiksbu dan u jien kelli x-xorti li nagħmel dan.”

Il-kompatrijotti tiegħu, Lionel Scaloni u Emiliano Martinez, rebħu l-premju għall-Coach tas-Sena u l-Goalkeeper tas-Sena rispettivament, u l-partitarji tagħhom saħansitra kisbu l-aqwa premju tal-partitarji, filwaqt li l-Ingilterra ġew ippremjati għall-kampanja tan-nisa rebbieħa tagħhom tal-Euro 2022.

Scaloni, li t-Tnejn stess kellu l-kuntratt mal-Arġentina mġedded sas-sena 2026, għeleb lil Pep Guardiola ta’ Manchester City u Carlo Ancelotti ta’ Real Madrid.

Mary Earps ġiet magħżula l-Goalkeeper tas-Sena u l-Olandiża, Sarina Wiegman, irċeviet il-premju għall-Aqwa Coach ta’ team li kellu erba’ players fil-11 tad-Dinja tas-Sena – Beth Mead, Lucy Bronze, Leah Williamson u Keira Walsh.

L-Ispanjola Alexia Putellas, li s-sena l-oħra rebħet il-Ballun tad-Deheb, ġiet magħżula l-Player tas-Sena tan-nisa wara li ispirat lil Barcelona għat-tielet titlu nazzjonali konsekuttiv fl-2022.

Il-Pollakk b’sieq waħda maqtugħa, Marcin Oleksy, rebaħ il-premju Puskas Award għall-Aqwa Goal tas-Sena għal volley akrobatiku spettakolari mat-team tiegħu, Warta Poznan, kontra Stal Rzeszow.

Ir-reċipjent tal-Fair Play Award kien Luka Lochoshvili, li żamm ilsien l-avversarju tiegħu, Georg Teigi, biex isalvalu ħajtu wara li l-midfielder waqa’ fl-art mitluf minn sensih.

It-Team tas-Sena tal-irġiel u tan-nisa, ivvutat mill-membri tal-FIFPRO huma:

IRĠIEL: Thibaut Courtois (Belġju); Achraf Hakimi (Marokk), Virgil van Dijk (Olanda), Joao Cancelo (Portugall; Kevin De Bruyne (BelġJu), Luka Modric (Kroazja), Casemiro (Brażil); Lionel Messi (Arġentina), Erling Haaland (Norveġja), Karim Benzema (Franza), Kylian Mbappe (Franza).

NISA: Christiane Endler (Ċili), Lucy Bronze (Ingilterra), Mapi Leon (Spanja), Wendie Renard (Franza), Leah Williamson (Ingilterra), Lena Oberdorf (Ġermanja), Alexia Putellas (Spanja), Keira Walsh (Ingilterra), Sam Kerr (Awstralja), Beth Mead (Ingilterra), Alex Morgan (Stati Uniti).

Ekonomija

Sport