Minn Cristian Muscat
Birzebbugia St Peter’s FC għaddew minn sena storika fl-2025, u Joseph Fenech, il-president tal-klabb, jirrakkonta l-esperjenza u l-messaġġ tiegħu għall-familja tal-partitarji hekk kif riċentement tana l-kummenti tiegħu dwar l-avvnetura tiegħu fit-tieni kategorija tal-futbol Malti.
Il-klabb, li ġej minn promozzjoni mill-Amateur League, irnexxielu jagħmel pass kbir fil-BOV Challenge League u jtemm is-sena fl-ewwel post, prestazzjoni li tikkonferma kemm il-ħidma, il-pjanifikazzjoni u l-għaqal jistgħu jagħmlu differenza f’din il-kompetizzjoni. Bħalissa huma jinsabu fit-tieni post tal-klassifika, punt biss taħt il-leaders Balzan.
“Bla dubju, li għalaqna s-sena 2025 bl-aqwa mod possibbli,” jgħid Fenech. “Ninsabu fl-ewwel postijiet tal-klassifika fil-preżent u bla dubju dan huwa rigal mhux biss għall-plejers u l-kowċ, imma wkoll għall-partitarji kollha tagħna li dejjem hemm magħna.” Għalkemm l-isfida kienet kbira, il-president jenfasizza li l-passaġġ mill-Amateur League għaċ-Challenge League mhuwiex sempliċi.
“Ċertu għaqal huwa meħtieġ. Challenge League huwa differenti, hemm bidliet kbar u kull logħba hija ta’ livell ieħor. Biex inkunu kompetittivi, irridu dejjem nirsistu għalkemm irridu ngħidu li xi ftit xorti tidħol ukoll.
Aħna tlifna kontra timijiet b’esperjenza bħal Swieqi United FC u Mġarr United FC f’konfronti diretti, u minn hemm tibda tifhem li kull tim jista’ jagħtik logħba diffiċli f’din id-diviżjoni.”
Fenech jenfasizza li l-BOV Challenge League għandu l-emozzjonijiet tiegħu. “Dak hu s-sabiħ ta’ dan il-kampjonat. M’hemmx differenza bejn timijiet, kull tim u logħob huma storja għaliha u kull logħba tista’ tagħti riżultati sorpriża. Eżempju wieħed hu meta rbaħna lil Marsa bil-ħniena meta tqis li dakinhar kienet logħba bilanċjata.”
“Għalhekk jien ngħid li l-kampjonat għandu s-sbuħija tiegħu. Statistikament, aħna għandna r-raba’ l-aqwa attakk għalkemm fid-difiża, żgur li stajna nagħmlu aħjar. Qed nagħmlu rtokki f’Jannar u bħala president qed ikolli diskussjonijiet kontinwi mal-istaff tekniku biex nikkontrollaw il-bilanċ tat-tim u nkunu lesti għal kull sfida.”
Il-president jenfasizza kemm huwa importanti li l-plejers jibqgħu motivati u jikkoperaw bħala tim. “Meta titla mill-Amateur League għaċ-Challenge League, hemm baħar jaqsam bejn iż-żewġ livelli. Għalhekk dejjem nenfasizza li l-plejers fl-iskwadra jridu jgħinu lil xulxin u jibqgħu ffukati. Irridu niġġieldu għal kull ballun filwaqt li qatt ma naqtgħu qalbna lanqas jekk l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb.”
Tkellimna dwar il-kowċ tat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta Edgar DeGabriele.
“M’hemmx xi ngħidu li dan il-kowċ, għandu esperjenza kbira u tella’ diversi klabbs fiċ-Challenge League mill-Amateur League. Għalhekk din l-esperjenza hi essenzjali għax huwa kowċ li jżomm il-moral għoli fid-dressing room. L-assistant coach Jean Paul Gialanze jgħinu sew u għalhekk huma koppja ta’ kowċis mill-aqwa. Jien dejjem ngħid li meta tagħmel kejk trid tagħmlu f’daqqa jiġifieri, kull pass għandu jkun determinat u organizzat, speċjalment jekk dawk kollha involuti jikkoperaw.”
Fenech jitkellem dwar il-legat li jixtieq iħalli f’Birżebbuġa. “Bdejt proġett f’Birżebbuġa nixtieq ħafna affarijiet li jsiru realta’. Kull pass huwa ippjanat u hemm involuta paċenzja kbira. Nixtieq nirringrazzja lil Charles Polidano, li kien parti mill-proġett flimkien ma’ xi nies oħra tal-kumitat. Nafu fejn irridu naslu speċjalment mat-tfal u ż-żgħażagħ għax qed naraw li nżidu u niżviluppaw dejjem aktar l-akkademja tagħna. Jien mhux qed nibni fuq ir-ramel. Anzi trid pedament sod, u hekk qed nagħmlu, pass wara pass, biex il-ħolma ssir realtà.”
Meta mistoqsi dwar il-futur u l-possibbiltà li Birżebbuġa St Peter’s tmur għall-Premier League Malti, Fenech ma qagħadx lura milli jfisser il-ħolma tiegħu. “Jekk niġu promossi għall-kampjonat Premier, aħna se nkunu lesti. Naturalment, hemm ħafna investiment u sfidi, iżda meta wieħed iżomm saqajh mal-art u jimxi bi pjan, kollox jista’ jiġri. Bit-tim li għandna, aħna se nkunu hawn biex nikkompetu u nwettqu dak li nixtiequ għall-futur tal-klabb.”
Il-president ma nesiex lill-partitarji, li dejjem huma l-qalb tal-klabb. “Il-partitarji qed jiżdiedu u għalkemm mhux kbar fin-numri, madankollu qed jieħdu interess u qed isegwu l-progress tagħna. Minn qalbi nirringrazzjahom u nixtieq li jibqgħu jemmnu fil-kapaċità tat-tim tagħna. Il-partitarju veru mhuwiex biss fil-bnazzi, imma li jidher anke fil-maltemp, irrispettivament minn fejn tinsab fil-klassifika.”
Birżebbuġa St Peter’s FC fl-2025 wera kemm l-għaqal, l-organizzazzjoni u d-dedikazzjoni jistgħu jagħmlu differenza fl-isport. Il-klabb rebaħ rispett u eventwalment ħa l-promozzjoni mill-Amateur League għaċ-Challenge League, u b’ħiliet bħal dawk tal-president Joseph Fenech u l-istaff tekniku, il-futur jidher promettenti.
Kull logħba, kull punt u kull riżultat huwa parti minn storja li qed tinħoloq pass wara pass, u l-ħolma ta’ Birżebbuġa St Peter’s FC li jaslu fil-livelli ogħla qed isir realtà, b’pedament sod u viżjoni ċara għall-ġejjieni.
Il-messaġġ tal-president Joseph Fenech huwa ċar: b’ħafna għaqal, li kulħadd iżomm saqajh mal-art u b’għajnuna mingħand kulħadd, il-viżjoni tal-klabb tista’ tkompli tikber u aktar ħolm jista’ jsir realta’.

