Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Kif ħafna jafu, f’San Ġiljan, il-waterpolo huwa l-isport ewlieni bħala interess u għalhekk għalija bħala Ġiljaniż kienet naturali li ninvolvi ruħi fil-waterpolo. Bħala parti mill-amministrazzjoni tal-Klabb għal dawn is-snin kollha huwa privileġġ li nista’ nagħmel il-parti tiegħi biex inferrħu lill-Ġiljaniżi u nżommu s-sens ta’ identita’ Ġiljaniża … sfida mhux faċli li minħabba kif żviluppa r-raħal tagħna.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tieghek bħala l-persuna responsabbli mit-tim ta’ taħt is-16-il sena ta’ San Ġiljan ASC, fost oħrajn.
Jien responsabbli mit-timijiet taż-żgħar tal-Klabb. Hija responsabbilta’ tagħna li dawn it-tfal fdati f’idejna jiżviluppaw f’nies responsabbli filwaqt li nagħtuhom il-ħiliet marbuta mal-logħba.
X’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess tar-rebħ tal-Kampjonat fejn fil-finali għelibtu lil Neptunes bl-iskor ta’ 9-8?
It-tfal speċjalment fix-xhur tas-sajf tħarrġu bis-sħiħ fejn anke kellhom l-opportunita’ li jilagħbu għadd ta’ logħbiet ta’ ħbiberija ma’ timijiet barranin. Dawn żgur għenu ferm. Is-sigriet jekk wieħed jista’ jsejjaħlu hekk kien ukoll il-kowċ Marko Martinic li sab l-aħjar mod kif jgħaqqad lil dawn il-plejers u jieħu l-aħjar minnhom. Dan is-suċċess kien anke frott ta’ kollaborazzjoni mal-Klabb ta’ Marsaskala li kellhom numru ta’ tfal li kienu qed jilagħbu f’dan it-tim. Nirringrazzjahom tal-fiduċja li wrew fina.
Bħal dejjem kull suċċess huwa sforz kollettiv ta’ tim u l-kumitat kollu … min b’mod u min b’ieħor għen f’dan is-suċċess.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Marko Martinic?
Huwa kowċ bravu u kompetenti li jaf jgħaddi l-passjoni li għandu għal-logħba lill-plejers tiegħu.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?
Minkejja li n-numru ta’ tfal li jilagħbu l-waterpolo f’pajjiżna huwa wieħed żgħir xorta l-livell qed jitjieb. Illum il-klabbs qed jimpjegaw kowċis kwalifikati anke fl-akkademji tagħhom u l-faċilitajiet tjiebu mmens.
U dak tar-riżorsi (pixxina) fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Il-Klabb m’għandux il-faċilita’ tiegħu imma jista’ jinqeda sew bil-Pixxina Nazzjonali. Il-problema li din mhux disponibbli filgħodu. Għalhekk it-taħriġ fis-sajf filġħodu kellu jsir kollu fil-baħar li mhuwiex ideali.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Jien dejjem nipprova nħares kemm jista’ jkun ‘il quddiem. Illum fi-tim tal-kbar huwa mmexxi min plejers li kienu miegħi fit-timijiet taż-żgħar ħafna snin ilu. Ma jeżistux ‘short cuts’. L-affarijiet iridu jsiru sew.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
Kif kont qed ngħid, m’hemm xejn bla ħidma u sagrifiċċju. Imma nemmen ukoll li l-isport jagħtik ħafna. Ħbiberiji, il-ħila li taħdem ma’ ħaddieħor … dawn huma kollha affarijiet li llum il-ġurnata mhux faċli ssibhom!