Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
L-imħabba tiegħi lejn dan l-isport bdiet mill-ġenituri tiegħi. Minn dejjem niftakar lil ommi u missieri jittrenjaw u jikkompetu f’kompetizjonijiet tal-ġiri, u huma kienu jħajruni biex inżomm ruħi attiv, peró, għalkemm minn dejjem kont attiv kemm fi sport ieħor bħall-futbol, jew nipprova nagħmel xi ġirja ‘l hemm u ‘l hawn, qatt ma ħadt l-isport tal-ġiri fit-tul bis-serjetá. Fi Frar tas-sena l-oħra kont iddeċidejt li nipprova nagħmel in-Nofs Maratona ta’ Malta u kont pruvajt nagħmel xahrejn nittrenja waħdi u rnexxieli nagħmilha f’ħin ta’ 1.27.47. Minn hemm iddeċidejt li nibda nieħu l-atletika iktar bis-serjetá u bl-għajnuna tal-kowċ tiegħi, wara sena taħriġ u dedikazzjoni kbira, fin-Nofs Maratona ta’ Malta ta’ din is sena, ġejt fid-disa’ post minn aktar minn 3,000 atleta b’ħin ta’ 1.15.27.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
F’din is-sena, l-aħjar ħinijiet li rnexxieli nikseb kienu ta’ 16.33 fid-distanza tal-5km, 34.42 fid-distanza tal-10km u 1.15.27 fid-distanza tan-Nofs Maratona.
F’April li għadda, ħadt sehem fin-Nofs Maratona ta’ Belgrad fis-Serbja. Agħtina iktar dettalji.
Iva, proprju l-Ħadd 6 ta’ April ġewwa Belgrad seħħet in-Nofs Maratona, fejn ħadu sehem madwar 5,500 atleta, u kienet l-ewwel esperjenza tiegħi barra minn Malta. In-Nofs Maratona tiegħi spiċċajtha f’ħin ta’ 1.17.40 u ġejt fit-13-il post.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-atletika f’pajjiżna narah li dejjem qiegħed imur għall-aħjar. Fil-każ tal-ġiri fit-tul, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed jitjiebu fil-ħinijiet u jinkisbu rekords ġodda.
U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Il-maġġoranza tat-taħriġ tagħna isir fit-toroq minħabba li nkunu irridu ntellgħu ħafna distanza ta’ ġiri u sfortunament ma tantx hawn fejn tiġri b’mod sigur u mingħajr biżá ta’ xi inċident. Mill-punt ta’ kompetizzjonijiet nemmen li l-maġġoranza tat-tiġrijiet jiġu organizzati tajjeb ħafna u b’mod sikur li ma jweġġa’ ħadd.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Il-mira prinċipali tal-futur atletiku tiegħi huwa dak li nkompli ntejjeb lili nnifsi u ntejjeb il-ħinijiet tiegħi biex eventwalment inkun kapaci nikkompeti mal-aqwa atleti ta’ din il-gżira.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Bħal kollox fil-ħajja, biex tagħmel success trid taħdem ħafna għalih u tagħmel ċerti sagrifiċċji. Il-ġiri huwa proċess, fejn iktar kemm tittrenja iktar ħa titjieb. Fl-istess ħin irid ikollok dedikazzjoni u dixxiplina fit-taħriġ tiegħek u apparti minn hekk, nemmen ukoll li huwa importanti ħafna li jkollok xi ħadd jiggwidak biex ikompli jgħinek timxi dejjem ‘il quddiem!