Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn meta kont żgħir dejjem interessani l-futbol iżda qatt ma kelli ħsieb biex nippratikah sa ma kelli 10 snin u niftakar li għalliem mill-iskola fejn kont immur riedni ninżel l-ewwel darba nitħarreġ ma’ klabb fejn kien hu u minn hemm kont intgħażilt fir-Regions u ovvjament bqajt dejjem nitħarreġ.
Iddeskrivi l-esperjenzi tiegħek ma’ Kalkara United u Għaxaq matul l-istaġun li għadda.
Matul l-istaġun li għadda, kont determinat li wara l-injuries koroh li għaddejt minnhom f’dawn l-aħħar snin ippruvajt nerġa’ nirkupra bl-aħjar mod li nista’. Ġejt avviċinat minn Kalkara United bi proġett u ambizzjoniet ferm interesanti u kont vera motivat u kelli bidu tajjeb ħafna, iżda sfortunatament kelli injury fil-hamstring li kelli nieqaf għal xi logħob. L-aħħar ftit logħbiet tal-istaġun komplejthom ma’ Għaxaq fejn irnexxielna wkoll niksbu xi riżultati pożittivi.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-logħob inbidel ħafna mill-passat. Qed naraw ħafna aktar investimenti mit-timjiet li qed iwassal biex iniżżlu plejers lokali kif ukoll barranin ta’ livell f’kull diviżjoni. Kowiċs li tista’ tgħid f’kull diviżjoni qed issib timjiet li jkunu ppreparati tattikament u dixxiplinati b’mentalitá ta’ logħob modern li kull team jagħtik logħba.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek fil-Beach Soccer, fejn int il-captain ta’ Hamrun SC Beach Soccer, fejn fil-kampjonat li għadda kellkom wirjiet u riżultati pożittivi għalkemm tliftu l-finali kontra Sliema Beach Soccer bl- iskor strett ta’ 7-6?
Wara li fl-istaġun lta’ qabel ġejna inkurunati champions , dis-sena rrapreżentajna lil Malta fil-Euro Winners Cup f’Nazare il-Portugall fejn nistgħu ngħidu lgħabna f’waħda mill-ikbar kompetizzjonijiet fejn jieħdu sehem l-aqwa timjiet tal-Beach Soccer u nemmen li ksibna riżultati rispettabbli ħafna meta tqis li din kienet l-ewwel esperjenza barra minn xtutna għalina bħala tim.
Il-kampjonat Malti bħalma taf ħabat ġo din l-esperjenza wkoll fejn kellna ġimgħa fejn lgħabna ħames darbiet – tliet darbiet barra minn xtutna u darbtejn Malta, u dejjem konna konsistenti anke jekk kellna ħafna intoppi, ħdimna biex nagħmlu rotazzjoni tajba biex inserrħu xi plejers u dejjem bqajna fl- ewwel post tal-kampjunat. Ovvjament il-finali m’għandiex kliem fuqha. Għadna qed nistenew li tittieħed azzjoni serja mill-MFA hekk kif hemm protest pendenti.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol u l-beach soccer?
Bħala futbol għadni qed nikkunsidra l-futur tiegħi. Li hu żgur li fil-Beach Soccer qed inħejju ruħna biex f’Settembru li ġej bħala Hamrun SC ħa nerġgħu nirrapreżentaw lil Malta fil-Club Winners Cup li ħa ssir fl-Italja. .
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol u l-Beach Soccer.
Bħal kull ħaġ’oħra fil-ħajja, b’determinazzjoni u sagrifiċċju jekk mhux illum imma għada tasal fejn tixtieq … dejjem żomm f’moħħok li kieku faċli wasal kulħadd! Il-mument li taqta’ qalbek ikun il-mument li tkun pass ‘il bogħod milli tirnexxi!